Internazzjonali

“Ukreni li spiċċaw suldati bilfors; qatt ma kienu jimmaġinaw li ħajjithom se tinbidel b’dan il-mod”

Rakkont ta' qsim il-qalb fil-binja tan-Nazzjonijiet Uniti

“Dak li seħħ f’Mariupol fl-aħħar 12-il xahar huwa ġenoċidju. U l-unika soluzzjoni għall-gwerra fl-Ukrajna tinsab fil-kamp tal-battalja stess.”

Hekk stqarr Illia Samoilenko meta l-Erbgħa indirizza laqgħa li saret fil-bini tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, fejn il-pajjiżi kollha qed jinġabru biex jiddiskutu għeluq is-sena mill-gwerra fl-Ukrajna.

Samoilenko – li kien imexxi t-truppi Ukreni f’Mariupol – tkellem dwar l-attakki mill-ajru tar-Russi, ir-reati tal-gwerra, il-ħruxijiet kontra l-poplu, it-terrur fuq il-ħabsin tal-gwerra u aktar stejjer li ħadd qatt ma jista’ jsir jafhom għaliex dawk li sofrew laħqu mietu.

F’rakkont ta’ qsim il-qalb li ta quddiem il-pajjiżi miġbura f’waħda mis-swali tan-Nazzjonijiet Uniti, Samoilenko insista li ħafna mill-Ukreni li spiċċaw suldati ta’ bilfors u “qatt ma kienu jimmaġinaw li ħajjithom se tinbidel b’dan il-mod”.

“Ir-Russi jagħmlu żewġ affarijiet tajbin – jigdbu u jintimidaw”, qal Samoilenko. Filwaqt li fakkar kif dan kollu beda fl-2014 bl-invażjoni tal-Krimea.

Hu wissa’ li aktar ma jgħaddi żmien u aktar ma jkun hemm eżitazzjoni mill-pajjiżi tal-Punent, aktar se jmutu nies innoċenti.

Il-laqgħa kienet indirizzata minn Arten Dybelenko, ġeneral Ukren li għamel xhur maqbud bħala priġunier mir-Russi.

Intant, fl-aħħar sigħat,  il-mara tal-President Ukren – Olena Zelenska – indirizzat laqgħa għolja tan-Nazzjonijiet Uniti fejn tkellmet dwar id-drittijiet umani li inkisru b’mod regolari fl-aħħar 12-il xahar fl-Ukrajna. Dan hekk kif l-armata ta’ Putin għadha għaddejja bl-offensiva tagħha fuq l-Ukreni.

Olena Zelenska tkellmet permezz ta’ messaġġ irrekordjat, u fil-laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti preżentat diversi ritratti ta’ bliet li fl-aħħar sena ġew meqruda għal kollox mir-Russi; minn Irpin sa Bucha, minn Kiev sa Mariupol.

L-istess laqgħa ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru Ukren Dmytro Kuleba li sejjaħ dan l-anniversarju tal-gwerra bħala ‘wake-up call’ għad-dinja kollha wara li r-Russi kisru d-Dikjarazzjoni Internazzjonali tad-Drittijiet Umani b’kull mod possibbli.

Fost l-interventi, tkellem anke l-Prosekutur tal-Qorti tar-Reati Internazzjonali Karim Khan illi semma’ kif hemm bażi li tipponta lejn reati tal-gwerra li seħħew fl-Ukrajna – każi ta’ abbużi sesswali, tortura u qtil ta’ nisa u tfal innoċenti.

B’rabta ma’ dan l-anniversarju tal-gwerra, il-Ħamis Net TV se jkun qed iwassal xandiriet speċjali mis-6pm ‘il quddiem. U waqt il-programm NETLIVE se jsiru kollegamenti diretti mal-Ukrajna u anke ma’ New York fejn għaddejin dawn il-laqgħat importanti.