Investigazzjoni tal-Pulizija dwar attakk ta’ ħruq f’Lejlet il-Milied fuq karozza fil-Marsa wasslet biex is-suspettat jiġi identifikat u akkużat. Isam Mohamed el Shahumi, residenti tal-Mellieħa, u li għandu 44 sena, ta’ nazzjonalità Libjana, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, akkużat li ta n-nar Renault Megane fil-lejl ta’ bejn Lejlet il-Milied u l-Jum tal-Milied, tas-sena l-oħra.
L-Ispettur Mario Xiberras qal lill-Qorti li l-karozza fil-mira kienet ipparkjata fi Triq il-Marsa, fil-Marsa stess meta din qabdet. Pulizija li kienu għaddejjn bil-patrol lemħuil-karozza taqbad u niżlu mill-karozza tagħhom, u bdew jitfu in-nar bil-fire extinguishers tagħhom.
CCTV fl-inħawi wrew li n-nar kien beda intenzjonalment, qal l-Ispettur u dan wassal ukoll għall-identifikazzjoni tal-karozza tal-kiri ta’ dak li qabbadha. L-investigaturi sabu li l-vettura inkwistjoni kienet mikrija lill-imputat u f’Jannar inħareġ mandat ta’ arrest, iżda r-raġel ma setax jiġi rintraċċat.
Ir-raġel ġie arrestat l-Erbgħa, wara li ‘tip off’ wassal lill-Pulizija f’lukanda fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, fejn instab li kien joqgħod l-akkużat. L-imputat ġie mixli wkoll li kkawża ħsara volontarja, kif ukoll b’sewqan mingħajr liċenzja jew assigurazzjoni.
Huwa kien akkużat ukoll li sar reċediv. El Shahumi, li qal lill-Qorti li kien impjegat minn ħabib, wieġeb mhux ħati tal-akkużi. F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. L-Ispetturi tal-Pulizija Mario Xiberras, Jeffrey Scicluna, Elisia Scicluna mexxew il-Prosekuzzjoni, assistiti mill-avukati Daniel Tabone u Joseph Azarov Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb kienu l-avukati tad-difiża.
//= $special ?>

