Lokali Transport

Gvern mingħajr soluzzjonijiet dwar it-traffiku

Il-politika tat-tkabbir tal-ekonomija permezz tal-barranin ġabet piżijiet kbar fuq is-settur tat-trasport.

Dan il-punt ħareġ tul id-diskussjoni li ttellgħat mit-Times of Malta hekk kif iddiskutiet it-trasport f’pajjiżna.

Fl-intervent li għamel id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia ntqal li l-piż tal-influss tal-barranin biex tikber l-ekonomija llum qed tħalli riperkussjoniet mhux biss fuq is-settur tas-saħħa u l-edukazzjoni iżda wkoll piżijiet kbar fuq it-trasport.

Fl-istess intervent Adrian Delia qal li llum għalkemm m’hemmx taxxa fuq it-trasport, wieħed xorta qed jonfoq il-flus fuq il-mediċina, kaġun tal-mard li qed iġib it-tniġġis fl-arja.

L-ekonomista Marie Briguglio min-naħa tagħha faħħret l-proposta tal-PN dwar il-parkeġġ residenzjali biex anki tittaffa l-uġigħ ta’ ras fost ir-residenti.

Fil-kummenti tagħha Marie Briguglio appellat lill-Ministru Farrigia biex jieħu d-deċizjonijiet meħtieġa.

Intant kien hemm min kritika l-fatt li evidenti li anki l-entitajiet tal-Gvern f’kuntest tat-trasport ma jaħdmux flimkien.

Min-naħa tiegħu l-Ministru fil-kummenti li wassal fost l-oħrajn qal li kieku jkollhom jibgħatulu n-nies ta’ kemm hawn bankini mhux tajba… kieku jimlewlu inbox.

Fl-aħħar jiem ħareġ li l-fatalitajiet fit-toroq Maltin kaġun ta’ inċidenti tat-traffiku żdied b’189% tul is-sena 2022, l-akbar żieda fl-UE. Dan apparti wkoll li aktar stħarriġ qed juri kemm żdiedu l-problemi ta’ mard mentali kaġun tat-traffiku li żdied….