Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jipproponi tax rebate lill-impjegati biex tikkumbatti l-għoli tal-ħajja

F’ stqarrija mid-deputati Nazzjonalista Ivan Castillo, Kelliem għax-Xogħol u s-Settur Marittimu; Jerome Caruana Cilia, Kelliem għall-Finanzi; u Albert Buttigieg, Kelliem għal Livell ta’ Għajxien Aħjar b’Impenn Kontra l-Għoli tal-Ħajja, appellaw biex tingħata rebate tat-taxxa fuq il-COLA għall-ammont żejjed imħallas din is-sena fuq żieda fit-taxxa lill-impjegati.

Kif tħabbar fil-Budget, din is-sena l-COLA li trid tingħata minn min iħaddem hu ta’ €9.90 kull ġimgħa. Minn dak l-ammont, l-impjegati jridu jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-taxxa fuq id-dħul.

Barra minn hekk, min iħaddem irid iħallas is-sehem tiegħu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u potenzjalment kontribuzzjoni oħra għal fond fiduċjarju tal-maternità. Dan ifisser li sal-aħħar tas-sena, il-ħaddiem ikun ta ftit anqas minn nofs iż-żieda tal-COLA lill-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li ċ-ċittadini għandu jkollhom aktar disposable income u għalhekk, aktar flus fil-but, partikolarment f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Dan meta qed jara li l-ħaddiema m’humiex ikkompensati b’mod totali għall-għoli tal-ħajja.

Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ rata għolja ħafna ta’ għoli tal-ħajja, dawk li jaqilgħu dħul baxx iħossu aktar id-daqqa tal-ħajja dejjem togħla, b’mod aktar qawwi u negattiv, b’tali mod li qed taffettwa l-kwalità tal-ħajja tagħhom.