“Qed naffaċjaw kriżi akbar fuq livell dinji, u hemm bżonn riformi u deċiżjonijiet immedjati. Għalhekk, ma nistgħux nibqgħu bilqegħda u ma nagħmlu xejn”.
Hekk iddikjara Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin, meta l-Ħamis indirizza l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li ffoka fuq ir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti.
Borrell tkellem dwar it-tħassib tiegħu fuq diversi kwistjonijiet, fost l-oħrajn dik li sejjaħ “emerġenzi globali”, inkluż l-attakki fuq id-demokrazija u l-inugwaljanzi.
Meta tkellem dwar il-gwerra fl-Ukrajna, Borrell qal li din hi aggressjoni li tikser iċ-Charter Ewropew. Dan mingħajr ma semma’ lir-Russja direttament.
Josep Borrell staqsa x’tip ta’ paċi rridu li tintlaħaq; l-Ukreni ħaqqhom li jgħixu fil-paċi – imma din trid tkun paċi dejjiema. U huwa għalhekk li l-aggressur irid iwaqqaf l-attakki u jirtira s-suldati mill-Ukrajna. Sakemm iseħħ dan, l-UE se tkompli tappoġġa lill-Ukrajna b’kull mod possibbli.

Intant, fl-indirizz tiegħu Borrell tkellem ukoll dwar l-isfida kkawżata mill-bidla fil-klima u anke l-effetti tat-terremoti devastanti fit-Turkija u s-Sirja.
Irrefera anke għal dak li qed jiġri fl-Afgansitan fejn fi kliem Josep Borrell, l-attakki fuq il-bniet u n-nisa mhuma xejn ħlief ‘apartheid’ kontra s-sess femminili.
Fir-replika tiegħu, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg fakkar li Malta se tibqa’ taħdem favur kollaborazzjoni akbar fuq livell internazzjonali bejn il-pajjiżi.
Ian Borg kien qed jindirizza l-Kunsill minħabba l-fatt li matul dan ix-xahar, Malta għandha l-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà wara applikazzjoni li l-pajjiż kien ilu jaħdem fuqha sa mill-2010.
//= $special ?>