Internazzjonali

Iżrael-Gaza: Tkompli l-vjolenza f’sitwazzjoni li kapaċi ssir inkontrollabbli

Il-militar ta’ Iżrael wettaq sensiela ta’ attakki mill-ajru fuq il-militanti Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza wara li l-gruppi tal-militanti fiz-zona kienu sparaw ir-rokits lejn l-artijiet fin-nofsinar ta’ Iżrael.

Il-parti kbira tal-missili kienu interċettati mis-sistema tad-difiża tal-Iżraeljani magħrufa bħala Iron Dome – bl-ajruplani tal-gwerra ta’ Iżrael, dritt wara, jattakkaw żewġ siti tal-militanti Iżlamiċi tal-Hamas.

L-aħħar żbroff fil-vjolenza bejn Iżrael u l-militanti segwa rejd tal-militar Iżraeljan fuq il-belt ta’ Nablus, fix-Xatt tal-Punent u li rriżulta fil-qtil u feriment ta’ mill-anqas 15-il Palestinjan.

Ir-rejd wassal minnufih għal theddid ta’ ritaljazzjoni min-naħa tal-Hamas, li jikkontrolla Gaza, u mingħand moviment ieħor tal-Palestinjani militanti bl-isem Ġiħad Iżlamiku.

Intant, ir-Rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Lvant Nofsani, Tor Wennesland, ivvjaġġa lejn Gaza f’tentattiv biex inaqqas mit-tensjoni f’dawk iz-zoni.

Hu anki esprima l-inkwiet dwar iċ-ċiklu ta’ vjolenza kontinwu u t-telf ta’ ħajja ċivili fix-Xatt tal-Punent u f’Gaza waqt li ħeġġeġ biex in-naħat avversarji jżommu lura minn azzjonijiet li kapaċi jirrendu s-sitwazzjoni diġà diffiċli bħala ‘inkontrollabbli’.

L-ebda grupp ta’ militanti ma assuma responsabbiltà għall-isparaturi tar-rokits, li wasslu għal allert assolut fl-ibliet Iżraeljani ta’ Ashkelon u Sderot.

Ftit tal-ħin wara, il-militar Iżraeljan sostna li l-fighter-jets tiegħu kienu laqtu sit tal-Hamas għall-produzzjoni tal-armi flimkien ma’ kumpless militari tal-grupp militanti – biż-żewġ siti jinsabu fiċ-ċentru u n-nofsinar ta’ Gaza.