Raġel b’diversi kundanni fil-passat ammetta li seraq karta ta’ kreditu u użaha b’mod frodulenti biex jagħmel diversi xirjiet. Nadim Mharam Abdul Gader Mharam ta’ 40 sena, li kien emigra lejn Malta mil-Libja fl-1996, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia.
Mharam kien mixli li f’Jannar seraq credit card ta’ raġel u użaha biex jixtri oġġetti minn numru ta’ ħwienet fiż-Żejtun u Ħaż-Żabbar. Ir-raġel ġie mixli wkoll bi frodi, serq sempliċi, serq aggravat, attentat ta’ serq aggravat u li għex ħajja ta’ vagabondaġġ, kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet preċedenti ta’ pleġġ u li sar reċediv.
Ir-rekords pubbliċi tal-kundanni multipli preċedenti tiegħu jidhru li tħassru mis-sistema jew spiċċaw offline. L-unika prova li fadal tal-eżistenza tagħhom hija l-fatt li huma msemmija fl-akkużi miġjuba kontrih, kif ukoll fis-sentenza waħda li għadha disponibbli online u kien ġie ukoll liberat fuq akkużi ta’ serq. u li sar reċidiv f’każ ieħor.
L-Ispettur Jonathan Cassar, li mexxa il-Prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Doriette Cuschieri qal lill-Qorti li r-reati twettqu bejn il-21 u t-22 ta’ Jannar ta’ din is-sena. Sid il-karta ta’ kreditu kien irrapportaha bħala misruqa. Huwa qal lill-Pulizija li qabel ma setgħet titħassar il-card, kien irċieva notifiki dwar xiri li kien qed isir fuq il-card misruqa.
L-investigaturi kienu kisbu kopji tas-CCTV mill-ħwienet, li wrew ix-xiri li kien qed isir mill-akkużat, li dak iż-żmien kien fil-kumpanija ta’ mara. Mharam kien diġà kien arrestat b’rabta ma’ każ separat sa meta ġie identifikat mill-filmati u għalhekk reġa’ ġie arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, qalet il-Qorti.
L-imputat wieġeb ħati tal-akkużi waqt it-tressiq tiegħu u kien ikkundannat sentejn ħabs, sospiżi għal erba’ snin, flimkien mal-ħlas ta’ multa ta’ €500. L-Avukat Mark Mifsud Cutajar irrappreżenta lil Mharam bħala avukat tal-għajnuna legali..
//= $special ?>

