Lokali

KAŻ SION GRECH: Appell biex jitwieġbu l-mistoqsijiet li ilhom isiru

Il-familja Grech, l-MGRM, il-Moviment Graffitti, Young Progressive Beings, Women’s Rights Foundation u Għajjejt u Xbajt, inġabru quddiem il-qorti tal-ġustizzja biex ifakkru l-ħajja ta Sion Grech, tfajla ta 19 il-sena li nqatlet fl-2005, bi 17-il daqqa ta’ sikkina, u wara ġisimha ġie mitfugħ f’għalqa. 

Wara li l-familja Grech stenniet 18-il sena biex jinfetaħ il-każ il-qorti, dan ingħalaq f’Jannar ta din is-sena, fejn kien hemm numru ta żballji minn naħa tal-pulizija; il-fuq min 50 xhieda jikkontradixxu lix-xiehda prinċipali, u evidenza li sfat mitlufa fost żballji oħra. Sadanittant, il-ġenituri ta Sion mietu bix-xewqa li xi darba ssir ġustizzja għal binthom. Ħafna mistoqsijiet baqgħu mingħajr tweġiba, u l-qattiela għadhom jiġru mas-saqajn. 

Waqt din il-velja, l-organizazzjonijiet staqsew għaliex il-fatt li Sion kienet prostituta ingħata daqshekk importanza f’dan il-każ, u jekk kienx hemm elementi ta transfobija relatati man-nuqqas ta’ azzjoni mill-pulizija u mad-dewmien biex jibda dan il-każ.

Wara kollox, ftakru f’mara li kienet maħbuba minn familtha u minn sħaba, li ma għexitx biex tara l-ġurnata fejn setgħet tgħix ħajjitha awtentikament, kif kien jistħoqqilha.  

L-MGRM ser tibqa spalla ma spalla mal-familja ta’ Sion, bħal ma ser ikunu diversi organizzazjonijiet oħra biex ir-risposti jingħataw u tal-anqas tkun saret xi forma ta’ ġustizzja.

Qabel jiġri dan, l-organizazzjonijiet stqarru li mhuma ser jistrieħu qatt.