It-Tribunal Industrijali presedut miċ-Chairperson Geoffrey Vella ordna lill-Air Malta biex f’perjodu ta’ xahar tagħti kumpens ta’ €67,000 lil eks-ħaddiem tagħha li kien jaħdem bħala inġinier mekkaniku wara li kkonkluda li dan tkeċċa mingħajr raġuni, bil-kumpanija ssib kull skuża biex ittemmlu l-impieg.
Robert Dimech, li llum għandu 66 sena kien ilu jaħdem mal-Air Malta sa mill-1994 u beda proċeduri kontra l-linja nazzjonali tal-ajru fl-2017. Il-kumpens seta’ kien ikbar li kieku Dimech ma ngħatax 40% tat-tort għar-raġuni wara t-tkeċċija tiegħu. Hu qal li l-problemi bdew wara li kien ħejja rapport fejn elenka l-problemi li kien hemm fit-taqsima tal-manutenzjoni u stqarr li beda jħoss li l-kollegi tiegħu qabdu miegħu u rieduh jitlaq.
Dimech semma rapport li sar fuqu minn kollega mara li akkużatu li qed isegwi l-passi tagħha u sostna li t-tkeċċija minħabba dan l-allegat aġir kienet skuża biex ikeċċuh. L-Air Malta imma qalet li tkeċċa minħabba l-imġieba xejn dinjituża tiegħu fejn qalet li nstab ħati ta’ tlieta minn ħames akkużi li tressqu kontrih internament.
Bord ta’ dixxiplina intern kien sabu ħati ta’ kondotta ħażina, li segwa l-passi tal-impjegata u li taha fastidju sesswali imma mhux li kkaġuna ambjent ostili u ta’ bbuljar. Madankollu fl-istadju tal-appell hu kien illiberat fuq il-każ ta’ fastidju sesswali.
Diversi xhieda f’din il-kawża qalu li Dimech beda jsegwi l-passi ta’ impjegata tant li din irrappurtatu lis-superjuri tagħha.Meta xehdet din l-mpjegata qalet li huwa kien beda jmur fl-uffiċċju tagħha b’mod frekwenti u d-diskors min-naħa tiegħu beda jsir aktar personali.
Qalet ukoll li Dimech ħa ritratti tal-fattiga meta kienet qed tnaddaf il-ħġieġ, kien joqgħod jagħmel ‘squats’ sakemm ilesti mill-fotokopji u wara joqgħod jirranġa l-qmis u l-qalziet quddiemha. Il-mara qalet ukoll li beda jsegwiha meta tmur il-kċina u l-kamra tal-banju, joqgħod jistaqsiha fejn marret fi tmiem il-ġimgħa, jekk tgħumx bil-malja u darba qalilha li kienet qed tixxemmex fit-terrazin.
Kompliet tgħid li l-aġir tiegħu dam għal madwar sitt xhur, jiġifieri bejn Marzu u Novembru tal-2016, u allegat li meta ma bdietx tagħtih wiċċ beda jaqbad magħha fuq ix-xogħol tant qabditha dipressjoni u l-ħin kollu tiċċekkja hux qed isegwiha.
Skont il-mara minkejja li kellmuh is-superjuri tiegħu baqa’ jsegwiha u spiċċat għamlet rapport l-għassa tal-Pulizija fl-ajruport. Minkejja dan qalet li ma riditx li jittieħdu passi kriminali kontrih imma biss li jħalliha bi kwietha. Is-superjur tagħha qal li Dimech kellu karattru diffiċli u ħadd ma kien irid jaħdem miegħu waqt li żied li wissieh imma baqa’ għaddej b’dan l-atteġġjament.
Ħaddiema oħra wkoll qalu li kien isegwi l-passi tal-impjegata fosthom waħda li qalet li kien jitkellem ukoll doppju sens. Dimech ċaħad dan u fost il-provi li ressaq kien hemm filmati tal-kameras tas-sigurtà fejn l-impjegata tidher ħierġa bla ma tippanċja.
Minn naħa tiegħu Dimech ppreżenta affidavits ta’ impjegati oħra li faħħru l-effiċjenza tiegħu f’xogħlu u fejn qalu li qatt ma rawh isegwi l-passi tal-impjegata. Wara li sema’ x-xhieda t-Tribunal Industrijali qal li huwa kellu biċċa xogħol iebsa biex jasal għal konklużjoni fuq dan il-każ.
It-Tribunal qal li mill-provi jirriżulta li l-kumpanija kienet tħares lejn Dimech minn “angolu kemmxejn strett” u ma qisitx iċ-ċirkostanzi kollha għalkemm fl-istess waqt qal li Dimech kellu wkoll n-nuqqasijiet tiegħu. Hu ddeskriva l-atteġġjament ta’ Dimech bħala sproporzjonat speċjalment meta kien joqgħod jagħmel ċertu eżerċizzji fiżiċi quddiem il-kollegi u wara joqgħod jirranġa ħwejġu.
It-Tribunal innota dik li sejjaħ bħala “ossessjoni” li kellu Dimech dwar x’kienet tagħmel waħda mill-impjegati u saħaq li għalkemm jifhem li mhux sewwa li jkun hemm min jabbuża u jitlaq minn fuq il-post tax-xogħol xħin jidhirlu hu, mill-banda l-oħra hemm rimedji oħra li seta’ ħa fosthom jinforma lis-superjuri anke bil-miktub.
It-Tribunal sejjaħ bħala “inaċċettabbli” li l-impjegat kien joqghod jistaqsi lil kollega tiegħu fejn tmur fi tmiem il-ġimgha u jindaga fuq il-ħajja personali tagħha meta hi stess urietu li kienet qed tiddejjaq b’dan l-aġir u sejjaħlu bħala “kondotta offensiva”.
Fl-istess waqt it-Tribunal Industrijali qal li kellu riżervi kbar dwar dik li sejjaħ “bona fede” tal-kumpanija fil-konfront ta’ Dimech u qal li jidher li kien impjegat professjonali f’xogħlu u ħadem fl-aħjar interess tagħha anke jekk kellu karattru ambigwu u l-atteġġjament tiegħu ma kienx feliċi.
It-Tribunal żied li l-kumpanija kellha “grudge” lejn Dimech li baqgeħt tiżviluppa matul is-snin u għalkemm ma ġġustifikax l-aġir tiegħu fil-konfront tal-kollega sostna li l-kumpanija nefħet is-sitwazzjoni li ħoloq hu. It-Tribunal qal li l-kumpanija kienet ħarxa wisq ma’ Dimech meta ħadet din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija fil-konfront tiegħu.
Qal li l-linja tal-ajru ma ħaditx inkonsiderazzjoni ż-żmien li kien ilu impjegat magħha u li dejjem kien impjegat diliġenti, kif ukoll tal-fatt li wara li kienu ġew eżawriti l-proċeduri ta’ dixxiplina, ma ġiex ikkunsidrat li ġie lliberat mill-akkuża tal-fastidju sesswali, l-aktar gravi mill-akkużi l-oħra li bihom kien mixli.
It-Tribunal qal ukoll li d-deċiżjoni tat-tkeċċija kienet ħafna eċċessiva meta wieħed jara li l-akkużi li nstab ħati għalihom kienu minuri u sostna li kien hemm orkestrazzjoni sħiħa min-naħa tal-kumpanija li riedet issib kull skuża sabiex titterminalu l-impjieg.
Hu kkonkluda li Dimech kellu 40% tort talli tkeċċa u l-kumpanija s-60% l-oħra u ordna lill-Air Malta tikkumpensah bis-somma ta’ €67,000. L-Air Malta appella mid-deċiżjoni tat-Tribunal bil-każ issa huwa mistenni li jaqa’ f’ħoġor Imħallef fil-Qorti.
//= $special ?>

