“Qatt ma bassru li l-Partit Laburista se jasal għal dan il-punt. Qed nitkellmu fuq qtil ta’ trabi innoċenti – bosta partitarji Laburisti qed jisħqu li jekk il-Partit tal-Labour se jilleġiżla fuqha jista’ ma jqishomx.”
Sostniet dan l-eks Ministru Laburista u President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca f’intervista li saritilha b’rabta mal-kampanja Inti Tista’ Ssalvani hekk kif il-Gvern immexxi minn Robert Abela jidher kommess li jdaħħal l-abort f’pajjiżna mill-bieb ta’ wara.
Marie Louise Coleiro Preca saħqet li b’din l-emenda li jrid idaħħal il-Gvern se nkunu qed noqtlu t-trabi innoċenti.
Hija saħqet li bosta qed iħossuhom traduti mill-Partit Laburista mmexxi minn Robert Abela hekk kif il-pożizzjoni tal-Labour inizjalment kienet li l-politika tiegħu huwa kontra l-Abort iżda l-affarijiet qed jidhru mod ieħor bil-konsegwenza li bosta partitarji qed iħossuhom iddispjaċuti.
Il-President Emeritu saħqet li huwa minnu li rridu nagħmlu minn kollox biex insalvaw l-ħajja tal-omm anke jekk sfortunatament dan jissarraf fil-mewt tat-tarbija – u hawn iva, hemm bżonn ta’ kopertura legali…iżda fejn tidħol is-saħħa – la darba din tista’ tingħata trattament għaliha ma taqbilx li tarbija innoċenti tista’ tinqatel.
Hija saħqet li sa minn dejjem kienet tpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tagħha, partikolarment it-tfal u dawk li m’għandhomx leħen – għaldaqstant Marie Louise Coleiro Preca appellat sabiex s-soċjetà tkun il-vuċi għal dawk it-trabi li għalissa vuċi għad m’għandhomx.
Hija saħqet li dan is-suġġett jimmerita diskussjoni li jmur lil’hinn mill-politika partiġġjana u lil’hinn mit-tradizzjoni reliġjuża, hekk kif spjegat li emenda bħal din se taqleb l-ordni soċjali, etika u morali tal-pajjiż.
//= $special ?>