Internazzjonali Lokali

365th February – Wirja li timmarka sena mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna

365th February huwa l-isem ta’ wirja li timmarka l-anniversarju tal-gwerra fl-Ukrajna…wirja li toħloq għarfien dwar ir-realtajiet tal-Gwerra.

Din il-wirja ġiet inawgurata l-Ġimgħa filgħodu propju fil-ġurnata tal-anniversarju fejn is-Salesjani ta’ Don Bosco u l-Federazzjoni Nazzjonali tal-Past-Pupils u l-Ħbieb ta’ Don Bosco, flimkien ma’ membri tal-komunità Ukrena f’Malta, nedew il-wirja 365th February.

Il-wirja tinkludi xogħlijiet artistiċi ta’ artisti Ukreni mill-Federazzjoni Artists Support Ukraine, u xogħlijiet oħra ta’ artista Ukrena li tgħix f’Malta.

Barra minn hekk, intwera filmat li jirrakkonta l-istorja fittizja dwar kif il-ħajja ta’ vlogger Ukrena inbidlet mil-lejl għan-nhar mindu bdiet il-gwerra. Dan il-filmat jesprimi t-tbatijiet li l-poplu Ukren għaddej minnhom f’dawn il-mumenti.

F’diskors waqt l-inawgurazzjoni tal-wirja, in-Nunzju Appostoliku għal Malta Monsinsjur Tai-Fai esprima kemm il-Papa Franġisku jinsab qrib tal-poplu Ukren u stieden lil dawk preżenti biex quddiem l-indifferenza u l-ostilità, ikunu minn tal-ewwel li jadottaw attitudnijiet ta’ paċi u mħabba.

L-organizzaturi se jkunu qed ikomplu joħolqu għarfien fuq il-gwerra billi jesebixxu l-istess wirja fl-iskejjel u fi gruppi individwali madwar Malta, bil-possibiltà li jsiru wkoll workshops u diskussjonijiet fuq il-valur tal-paċi.

365th February se tibqa’ miftuħa sa nhar il-Ħadd 26 ta’ Frar, u d-dħul huwa bla ħlas.