Internazzjonali

ANALIŻI: Kif żvolġiet il-gwerra fl-Ukrajna fi tnax-il xahar ta’ dmija

L-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tal-Kremlin bħal-lum sena bdiet b’mewġa ta’ missili fuq l-ibliet Ukreni ewlenin, fosthom il-kapitali Kiev, u bl-ewwel missili jkunu sparati qabel is-sebħ tal-24 ta’ Frar tal-2022.

Ftit ġimgħat biss wara li l-ewwel militar qasmu mir-Russja għall-Ukrajna – it-truppi ta’ Vladimir Putin kienu qed jikkontrollaw zoni kbar ta’ territorju fost l-isforzi biex jieħdu f’idejhom l-aktar siti sensittivi, inklużi l-ajruporti….Dan waqt li huma avvanzaw lejn is-subborgi ta’ Kiev minbarra li ħatfu l-kontroll f’diversi reġjuni lejn il-grigal tal-Ukrajna u partikularment fil-madwar ta’ Sumy.

Fl-istess ħin, il-qawwiet tar-Russja bdew il-bumbardamenti fuq Kharkiv, it-tieni l-akbar belt tal-Ukrajna, huma u jieħdu t-territorji lejn iz-zoni Ukreni tal-Lvant minbarra bnadi sħaħ ta’ Kherson…Dan qabel it-truppi ta’ Moska  ċirkundaw il-belt tal-port ta’ Mariupol fost il-ġlied qalil u waqt assedju ta’ ġimgħat li riflettiet il-ħruxija tal-gwerra.

Iżda sa Ottubru, ix-xenarju nbidel kompletament u b’mod drammatiku, bil-qawwiet ta’ Putin jibdew isofru disfatta wara l-oħra fuq il-kampijiet tal-battalja – u wara li huma fallew bil-kbir milli jieħdu l-kontroll ta’ Kiev.

Fil-fatt, ir-Russja, min-nofs is-sajf, kellha tirtira l-militar miz-zoni Ukreni tat-Tramuntana, bil-Gvern tal-President Volodymyr Zelensky jikkonsolida s-suċċessi militari fejn tkeċċew lill-aħħar suldati Russi minn Kharkiv –  ufost il-kontra-attakki effettivi fil-madwar ta’ Kherson.

U llum, waqt li d-dinja qed tfakkar l-anniversarju tal-gwerra, l-Ukrajna qed tikkontrolla anki l-belt ta’ Kherson, bil-ġlied mar-Russi, issa, qed jikkonċentra fuq ir-reġjuni Ukreni tal-lvant, bl-agħar battalji qed isiru fil-limiti ta’ Bakhmut fejn fl-aħħar jiem issieħbu anki l-gruppi tal-merċenarji leali għal Putin.