Futbol Sport

Birkirkara kontra Ħamrun għat-tmien darba fl-istorja tal-F.A. Trophy

(Ritratt: Joseph Galea)

Il-ħarsa ta’ kull dilettant tal-futbol Malti bejn is-Sibt u l-Ħadd bla dubju se tmur fuq l-erba’ partiti mill-Kwarti tal-Finali tal-F.A. Trophy fejn il-Ħadd filgħaxija nkunu nafu min huma l-erba’ semi finalisti ta’ dan it-tieni l-akbar unur fil-futbol Malti.

Bla dubju li l-aktar konfront mistenni minn dawn l-erbgħa huwa dak bejn Birkirkara u l-leaders attwali tal-Kampjonat Premier Ħamrun Spartans, li jinlagħab għada s-Sibt fl-16:00 fl-Istadium Nazzjonali.

Fl-F.A. Trophy, l-Istripes ul-Ispartans iltaqgħu seba’ darbiet, bl-ewwel konfront imur lura għall-istaġun 1961/62 meta dakinhar l-Ispartans ħarġu rebbieħa fil-Kwarti tal-Finali bl-iskor ta’ 6-3 wara l-ħin barrani.

S’issa Ħamrun rebħu l-maġġoranza tal-konfronti kontra Birkirkara f’din il-kompetizzjoni b’total ta’ erba’ rebħiet filwaqt li Birkirkara rebħu tlieta. Minkejja dan minn dawn is-seba’ logħbiet Birkirkara rebħu l-aktar waħda importanti meta fl-istaġun 2007/08 rebħu l-finali 2-1 b’doppjetta ta’ Micheal Galea.

Ġrajja li baqgħet tissemma f’waħda mil-logħbiet li laqqgħet lil dawn iż-żewġ timijiet kienet dik tal-logħba mill-ewwel round fl-istaġun 1975/76 meta dakinhar, bl-iskor ikun dak ta’ 0-0, mas-siegħa logħob il-partita ġiet abbandunata wara li r-referee Paul Bonett saffar penalty dubjuż favur l-Ispartans bil-protesti agressivi tal-plejers Karkariżi waslu biex ġie attakkat ukoll ir-referee, bil-logħba tkun abbandunata u b’Ħamrun jingħataw rebħa.

Birkirkara rreġistraw l-akbar rebħa bejn it-tnejn fl-istaġun 2014/15 meta dakihar fit-tielet round umijaw lill-Ħamruniżi 7-1 biex erba’ snin wara iltaqgħu kontra xulxin għall-aħħar darba qabel il-konfront ta’ għada bl-Istripes jerġgħu jirbħu 2-1 fir-raba’ rawnd.

Il-kollega Christian Micallef matul din il-ġimgħa żar sessjoni ta’ taħriġ taż-żewġ timijiet fejn ħa l-kummenti ta’ uħud mill-protagonisti dwar x’jaħsbu u kif qed jippreparaw għal dan il-konfront.

L-eks plejer ta’ Birkirkara, illum kowċ ta’ Ħamrun, Branko Nisevic jitkellem b’rispett lejn l-avversarji tagħhom għal din il-partita

” Birkirkara għandhom grupp ta’ plejers ferm tajbin u fl-opinjoni tiegħi żgur li jixirqilhom ikunu aktar ‘il fuq fil-klassifika. Dan l-istaġun kontrina rnexxilhom jagħlqu l-ispazji tajjeb ħafna u kienu agressivi ħafna. Fl-aħħar konfront nemmen li konna aħjar mill-ewwel logħba u issa xogħlna hu li nsibu mezz kif nistgħu nagħmlu aktar u nirbħu l-logħba”

Fin-nuqqas ta’ Giovanni Tedesco, li għażel li ma jagħtix kummenti għal raġunijiet li hu biss jaf, l-assistent tiegħu Brian Chetcuti tkellem dwar l-importanza ta’ din il-partita għall-klabb ta’ Birkirkara

” Qed inħarsu lejn din il-partita bħal kull partita oħra li lagħbna s’issa, l-importanza tagħha kullħadd jaf x’inhi għax twasslek għas-semi finali tat-Trophy. Il-ġimgħa tagħna kienet l-istess bħalma kienet il-ġimgħa l-oħra, se nużaw il-plejers li għandna nużaw għal din il-partita bla biża ta’ xejn u mmorru naffrontaw lill-avversarji biex nipprovaw ngħaddu għall-fażi li jmiss”

Jgħid tiegħu ukoll dwar l-Istripes, eks ieħor ta’ Birkirkara, il-gowlkiper internazzjonali Malti, Henry Bonello

” Din hija logħba do or die li tista tmur kull naħa speċjlament meta qed tilgħab kontra tim bħal Birkirkara li s’issa kellu staġun tajjeb ħafna. Mil-logħba tal-ġimgħa l-oħra, tim agressiv ħafna, ma jaqta’ qalbu qatt, jiġri tul il-logħba kollha u ovjament se tkun logħba iebsa”

Il-plejer offensiv ta’ 25 sena, l-internazzjonali Malti ta’ Birkirkara, Yannick Yankam dan l-istaġun skorja diġa’ ħames darbiet; b’żewġ gowls minnhom fl-IZIBET FA Trophy. Yankam jitkellem dwar id-darbtejn li Birkirkara u Ħamrun lagħbu kontra xulxin dan l-istaġun fil-Kampjonat, u x’wassal, skont hu li fiż-żewġ partiti rispettivi ma kelna ebda gowl minn naħa jew oħra

” Hija logħba li tagħti perspettiva differenti għax hija tat-Trophy, hija logħba li xi ħadd ikollu jirbaħ bifors, kif nafu fil-league ġejna draw magħhom darbtejn. Huwa tim b’saħħtu Ħamrun, aħna għandna tim tajjeb ukoll iġifieri għandha tkun logħba interessanti u li qed inħarsu lejha biex nibqgħu għaddejjin fit-trophy.

Fiż-żewġ logħbiet li għaddew ikkanċellajna l-xulxin, kienu logħbiet ikkareterizzati minn logħob f’nofs il-ground u qed nistennew l-istess logħba, logħba tattika ħafna u nemmen li fl-aħħar mill-aħħar se jkunu dettalji żgħar li se jiddeterminaw ir-riżultat”

Azzjoni mill-partita mill-ewwel rawnd tal-Kampjonat BOV Premier (Ritratt: Joseph Galea)