Raġel ta’ 38 sena minn Birkirkara, imma residenti l-Ħamrun ġie kundannat erba’ snin u nofs ħabs wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Monica Vella li wettaq tliet serqiet minn żewġ ħwienet tal-merċa f’Birkirkara. Jeremy Farrugia li għamel xi jiem imfittex mill-Pulzija kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija kienet qed tinvestiga dawn is-serqiet u mill-filmati tas-CCTV u wkoll mix-xhieda kien hemm diversi fatturi komuni mal-imputat. Fosthom it-tatoos, ħwejjeġ u sikkina u dejjem talab għat-tabakk u flus kontanti.
Ingħad li mill-aħħar serqa tat-22 ta’ Frar mill-filmati deher wiċċ Jeremy Farrugia u l-Ħamis huwa ġie arrestat fir-residenza ta’ xi qraba tiegħu. Il-Maġistrat Monica Vella bagħtet lil Farrugia erba’ snin u nofs ħabs u ordni ta’ kura mid-droga għal tliet snin.
Din mhux l-ewwel dartba li Farrugia kien marbut ma’ serq. F’Jum l-Indipendenza tal-2022 flimkien ma’ persuna oħra kien ġie mixli li seraq flus u oġġetti minn negozju fi Triq il-Wied, Birkirkara. Il-Pulizija kienu arrestaw lill-irġiel wara li qabduhom mistoħbija fin-negozju stess, wieħed f’kamra tal-banju u l-ieħor kien ġie identifikat minn kelb tal-Pulizija mistoħbi fis-suffett, Fuq l-aħħar serqiet l-investigazzjoni saret mill-Ispettur Lydon Zammit.
//= $special ?>