Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Dubji dwar ‘in-newtralità’ taċ-Ċina

Iċ-Ċina għadha kemm għamlet intervent rari konnessa mal-Gwerra fl-Ukrajna fejn sejħet għal taħditiet bejn ir-Rappreżentanti Ukreni u Russi.

Iżda waqt li Beijing sejjaħ għat-tmiem tal-gwerra u għal rispett ‘għas-sovranità nazzjonali’, hemm id-dubji kbar dwar kemm iċ-Ċiniżi huma tassew newtrali f’dan il-konflitt.

Fl-aħħar jiem komplew l-indikazzjonijiet li ċ-Ċina, għall-kuntrarju, qed tipprova ssaħħaħ ir-rabtiet bilaterali ma’ Moska, bir-Rappreżentanti ta’ Beijing, fl-aħħar sigħat, jastjenu fil-vot li ttieħed fin-Nazzjonijiet Uniti u li sejjaħ biex ir-Russja tirtira lit-truppi mill-Ukrajna.

Dan ukoll wara li l-ogħla uffiċjal taċ-Ċina responsabbli mill-politika barranija kien żar Moska biex jiltaqa’ ma’ Vladimir Putin – bil-pass iżid is-suspetti tan-NATO, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea li l-Gvern ta’ Beijing mhux verament qed iżomm pożizzjoni newtrali fil-kriżi.