Lokali Saħħa

Illum se tinqata’ l-kawża dwar id-deal mal-Vitals

Illum għall-ħabta ta’ 12pm, l-Imħallef Francesco Depasquale se jkun qed jagħti s-sentenza dwar id-deal li sar mal-Vitals.. deal li seraq it-tliet sptarijiet Maltin mill-poplu Malti.

Dan il-każ, li ilu għaddej minn Frar tal-2018, meta infethet kawża mid-deputat tal-PN Adrian Delia, fejn kien talab lill-Qrati Maltin sabiex il-ftehim bejn il-Gvern ta’ Malta u Vitals Global Healthcare – li minn dakinhar sostitwit mill-kumpanija Amerikana Steward – jiġi ddikjarat null u bla effett.

Dan għaliex it-trasferiment minn Vitals għal ma’ Steward lanqas biss seta’ jsir, bil-kumpanija Vitals Global Healthcare kienet naqset milli tintrabat mal-obbligi stabbiliti fil-kuntratt.

Il-każ kien ġie ppreżentat minn Adrian Delia kontra l-Prim Ministru, il-VGH, l-Avukat Ġenerali, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks, u ċ-Chairman tal-bord tal-gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet.

Il-bejgħ tal-isptarijiet mill-Gvern Laburista lill-kumpanija li ma kellha ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa kien mifni bi skandli sa mill-ewwel ġranet li tħabbar … bil-kawża tispiċċa tieħu s-snin minħabba t-tkaxkir tas-saqajn minn naħa tal-Gvern Laburista, li baqa’ jirreżisti.

Dan wara li għal diversi drabi l-eks Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat li kienu l-imħuħ wara dan id-deal skanduluż ma telgħux jixhdu f’din il-kawża ….. b’diversi Ministri u eks Ministri tal-Gvern jaħslu jdejhom minn dan id-deal li ghadu qed jiswina l-miljuni.

B’din il-kawża id-deputat Adrian Delia qed jitlob sabiex l-isptarijiet St Luke’s, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jintraddu lura lill-poplu.