Ix-xhieda tad-Direttur ta’ Nexia BT Karl Cini quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) llum reġgħet kienet sospiża minħabba kawża kostituzzjonali u biex il-Kumitat jikkunsidra d-deċiżjoni li se tagħti l-Qorti Kostrituzzonjali dar id-dritt tax-xhud li ma jweġibx mistoqsijiet.
Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-PAC fi tmiem seduta li fiha, skont ruling mogħti mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, Karl Cini kellu jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Kumitat dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas. Dan wara r-ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia li fiha kien sab lill-istess Karl Cini ħati ta’ ksur ta’ privileġġ iżda tah l-aħħar opportunità biex dan iwieġeb għall-mistoqsijiet.
Fil-bidu tas-seduta, iċ-Chairman tal-PAC u deputat Nazzjonalista Darren Carabott qara r-ruling tal-Ispeaker fejn Karl Cini instab ħati ta’ ksur ta’ privileġġ wara li Karl Cini ma weġibx il-mistoqsijiet quddiem il-PAC. Id-deputat Nazzjonalista David Agius qal li dan hu ruling li jorbot lill-parlament sħiħ għaliex ma kien hemm l-ebda mozzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil minn xi deputat.
L-Avukat Sephen Tonna Lowell, li qed jirrappreżenta lil Karl Cini, qal li hu skopra li jsiru diskussjonijiet bejn il-PAC u s-Sedja qabel jingħata ruling. Iċ-Chairman Darren Carabott u David Agius spjegaw li ma kienx minnu iżda tingħata biss informazzjoni.
L-Avukat Tonna Lowell irrifera għall-kawża kostituzzjonali dwar id-dritt tax-xhud li jibqa’ sieket u qal li fl-eventwalità li l-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi li persuna suspettata m’għandhiex dritt tas-silenzja allura, Karl Cini jkun lest iwieġeb. Hu qal li huma jemmnu li jekk, quddiem il-PAC, Karl Cini jwieġeb għad-domandi, jkun hemm problemi għad-difiża tiegħu fil-qorti u qal li hi biss il-Qorti Kostituzzjonali li tiddeċiedi dwar id-dritt tax-xhud u mhux il-parlament jew l-Ispeaker.
Id-deputat Nazzjonalista Glen Bedingfield qal li fd-dawl tal-kawża li nfetħet, il-PAC għandu jissospendi x-xhieda ta’ Karl Cini
Wara sospensjoni tal-Kumitat, iċ-Chairman qal li l-Kumitat kien tratta din is-sitwazzjoni tax-xhud li ma jridx jixhed u sostna li jirriżulta li Karl Cini qed jiġi investigat dwar il-kuntratt tal-Electrogas. Għalhekk ix-xhiedaa tiegħu kienet sospiża minħabba l-kawża kostituzzjonali.
//= $special ?>