Jispikka l-konfront bejn Birkirkara u Ħamrun Spartans
Bejn is-Sibt u l-Ħadd tirritorna l-F.A. Trophy bil-partiti mill-Kwarti tal-Finali ta’ din il-kompetizzjoni. Illum tispikka l-partitissima bejn Birkirkara u Ħamrun Spartans, ġimgħa biss wara d-draw ta’ 0-0 bejn dawn iż-żewġ timijiet fil-Kampjonat. Illum ukoll Gżira United jiltaqgħu kontra Gudja United. Għada mbagħad ikolna żewġ partiti oħra fejn Mosta jilagħbu kontra l-uniku tim miċ-Challenge League f’din il-fażi, San Ġwann filwaqt li Hibernians jiltaqgħu kontra Marsaxlokk.
Gżira United vs Gudja United | Is-Sibt, fis-14:00 fis-Centenary Stadium
Gżira United, rebbieħa tal-FA Trophy fis-sena 1977, se jkunu qed iffitxxu li jaqgħtu passaġġ għal mal-aħħar erbgħa ta’ din il-kompetizzjoni. L-avversarji tagħhom se jkunu Gudja United, avversarji b’ebda storja f’din it-tazza iżda waslu sad dan l-istadju tal-kwarti tal-finali mingħajr ebda pressjoni żejda.
Huwa fatt li Gudja, tal-kowċ Taljan Andrea Agostinelli jafu jkunu avversarji imprevedibbli fil-ġurnata, u kapaċi jkunu tattikament dixxiplinati u organiżżati. L-inkwiet ta’ Gudja qabel din il-partita kontra l-maroons hu wieħed li d-difiża tal-Gudjani taf tkun f’waqtiet fraġli u dan jista’ jkun fattur li jagħmel id-differenza fil-ġurnata meta jaffrontaw tim avversarju li wara għoxrin partita mill-bidu tal-Kampjonat Premier, għandu l-aqwa attakk minn fost kulħadd. Il-koppja formidabbli fl-attakk ta’ Gżira, Maxuell Maia u Jefferson, dan l-istaġun qed tkun bil-wisq effettiva u bejnithom, minn total ta’ 37 gowl li t-tim ta’ Darren Abdilla skorja fil-Kampjonat, 27 minnhom waslu mingħand dawn iż-żewġ Brażiljani.
Gudja huma avżati mis-saħħa tal-Gżirjani, iżda huma wkoll konxji mill-fatt, speċjalment meta wieħed iħares lejn in-numri, li d-difiża tal-avversarji tagħhom għall-partita tal-lum, hija waħda strutturata u diffiċli biex tegħlibha, tant li mill-aħħar ħames partiti li Gżira lagħbu fil-Kampjonat, f’żewġ kompetizzjoni differenti, huma qalgħu biss gowl wieħed, fid-draw ta’ 1-1 fl-aħħar partita tal-Kampjonat kontra Floriana.
Fiż-żewġ partiti bejn dawn it-tnejn dan l-istaġun fil-Kampjonat Premier, fid-darbtejn kelna żewġ draws. Fl-ewwel rawnd, fil-partita li kienet ntlagħabet f’Awwissu li għadda, Gudja u Gżira spiċċaw 3-3, bil-Maroons kienu lagħbu għal aktar minn taqsima sħiħa bi plejer anqas wara t-tkeċċija ta’ Luis Riascos. Fit-tieni rawnd, u allura l-aħħar darba li dawn it-tnejn lagħbu kontra xulxin, il-logħba kienet intemmet 1-1
Interessanti l-fatt li l-istaġun li għadda, fl-edizzjoni tal-IZIBET FA Trophy, Gudja u Gżira kienu ġew kontra xulxin fl-istadju tal-aħħar sittax. Dakinhar Gżira kienu eliminaw lill-Gudjani b’rebħa ta’ 3-1.
Birkirkara vs Ħamrun Spartans | Is-Sibt, fl-16:00 fl-Istadium Nazzjonali
B’Ħamrun Spartans prattikament champions tal-futbol Malti, hekk kif għandhom 11-il punt vantaġġ fuq Gżira United u fadal sitt partiti għat-tmiem il-Kampjonat Premier, ma nkunux qed nesaġeraw jekk ngħidu li l-Ħamruniżi qed iħarsu lejn il-possibiltá li dan l-istaġun jirbħu d-double ukoll, bl-aħħar darba li għamlu dan kien 35 sena ilu.
Fil-kwarti tal-finali tal-IZIBET FA Trophy, l-Ispartans għandhom għadma iebsa, Birkirkara, u l-leaders tal-Kampjonat Premier, huma konxji biżżejjed li din il-logħba se tkun waħda diffiċli u miġġielda sal-aħħar.
Birkirkara huma mmexxija mill-eks kowċ tat-tim oppost, it-Taljan Giovanni Tedesco li mingħajr dubju dan l-istaġun bl-istil tattiku tiegħu, għamel id-differenza biex l-Istripes jinsabu fit-tielet post tal-klassifika, b’ċans tajjeb li jiksbu post fl-Ewropa.
Il-pressjoni qabel din il-partita qegħdha fuq it-tnejn, iżda wieħed jifhem li f’konfronti ta’ dan it-tip, diffiċli biex ikun hemm favoriti speċjalment wara li fid-darbtejn li Birkirkara u Ħamrun Spartans lagħbu kontra xulxin dan l-istaġun, il-partiti spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls.
Ħamrun ilhom 11-il partita konsekuttiva ma jitilfu, f’żewġ kompetizzjonijiet differenti. Minn dawn, sad-90 minuta, rebħu f’disa’ partiti u fl-aħħar erba’ partiti, meta rebħu dejjem għamlu dan b’differenza ta’ gowl wieħed.
Ħamrun Spartans kontra Birkirkara, dwell bejn tnejn mit-timijiet li dan l-istaġun kienu fost l-aktar konsistenti u origanizzati, iżda fuq kollox dwell bejn tnejn li għandhom l-għatx li jkunu huma li fl-aħħar ta’ dan l-istaġun jgħollu t-tieni l-akbar unur fil-futbol Malti, l-IZIBET FA Trophy.
Mosta vs San Ġwann | Il-Ħadd, fis-14:00 fis-Centenary Stadium
Mosta, it-tim revelazzjoni ta’ dan l-istaġun ,wieħed minn tliet timijiet li qed jissielet għat-raba’ post fil-Kampjonat BOV Premier, jinsab ukoll b’ċans li jagħmilha għal mal-aħħar erba’ tal-IZIBET F.A. Trophy għall-ewwel darba sa mill-1990. F’dik is-sena, il-Mostin fil-Kwarti tal-Finali għelbu lil Tarxien Rainbows 3-0 biex imbgħad sfaw eliminati mir-rebbieħa ta’ dik l-edizzjoni Sliema Wanderers b’telfa minima ta’ 1-0 bl-iskorer għas-Slimiżi jkun Roger Walker.
L-avversarji huma l-uniku tim mit-tmienja li għad baqa’ f’din il-kompetizzjoni dan l-istaġun, li m’huwiex mill-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, San Ġwann. Dawn tal-aħħar ġejjin min-National Challenge League, u fl-aħħar fażi ta’ dan il-Kampjonat, b’sitt timijiet se jkunu qed jiġu relegati għall-National Amateur League fl-aħħar tal-istaġun, San Ġwann qed jirriskjaw li jistgħu jtemmu dan il-Kampjonat b’diżappunt mhux mixtieq.
Fl-istess waqt, San Ġwann, wara li fl-istadju tal-aħħar 16 tal-IZIBET FA Trophy, eliminaw lil Pietá Hotspurs, b’rebħa ta’ 2-0, qed jgħixu ħolma b’differenza meta rnexxilhom jagħmluha mal-aħħar tmienja ta’ din il-kompetizzjoni.
Realistikament il-prospetti ta’ San Ġwann li jkomplu javvanzaw f’din it-tazza huma minimi għall-aħħar, iżda s-sabiħ ta’ kompetizzjonijiet b’format ta’ dan it-tip hu li jaf ikollok riżultati sorpriżi mit-timijiet iż-żgħar, u din is-sena l-akbar sorpriża qed jagħmilha dan it-tim.
Mosta kellhom ibgħatu biex kisbu post fil-kwarti tal-finali tal-FA Trophy, hekk kif ġew sabiex jilgħabu kontra tim ieħor mill-National Challenge League, Swieqi United u rrnexxilhom jirbħu biss wara l-għoti tal-penalties.
Dan ifisser li jekk Mosta, li attwalment jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika tal-Kampjonat Premier, bl-istess ammont ta’ punti daqs Hibernians u Balzan, isibu avversarji li huma inqas superjuri għalihom iżda kapaċi jkunu tattikament organiżżati u jagħlqu l-ispazji, jafu jsibu l-problemi biex jiskorjaw u jiksbu r-riżultat mixtieq. San Ġwann huma nieqsa mill-konsistenza fir-riżultati, u jekk wieħed iħares lejn l-aħħar ħames partiti li lagħbu, huma rebħu darba u tilfu darbtejn.
Mosta jibdew bħala l-favoriti li javvanzaw għas-semi-finali ta’ din it-tazza, liema tragward, kemm il-darba jirnexxilhom jilħqu, ikun wieħed storiku għall-klabb immexxi mill-Presidenza ta’ George Galea.
Hibernians vs Marsaxlokk | Il-Ħadd, fl-16:00 fl-Istadium Nazzjonali
Ir-raba’ u l-aħħar konfront li se jkolna matul din it-tmiem il-ġimgħa mill-kwarti tal-finali tal-IZIBET FA Trophy, se jkun dak ta’ għada , fl-4pm Stadium Nazzjonali f’Ta’Qal, bejn iċ-champions Hibernians u Marsaxlokk. Fil-veritá bil-wirjiet riċenti taż-żewġ timijiet rispettivi fil-Kampjonat Premier, dan jista’ jkun dwell li jibqa’ missielet sal-aħħar, saħansitra anke wara 90 minuta ta’ logħob.
Għal bosta, Hibernians għandhom ikunu l-favoriti minn din il-partita, iżda f’kompetizzjonijiet ta’ dan it-tip, fejn javvaza biss min ikun tajjeb fil-ġurnata, Marsaxlokk immexxija minn Pablo Doffo, kapaċi jkunu tattikament tosti u effettivi biżżejjed li jissorprendu lill-iskwadra li issa hija mmexxija mill-eks plejer internazzjonali Malti, Silvio Vella.
Anke jekk għadu kmieni, hu fatt pero li minn meta ħa t-tmexxija f’idejħ kowċ Vella, il-Pawlisti dawru ftit ir-rota u qed jiksbu riżultati aħjar. Għal Hibernians pero, din il-logħba għandha relevanza kbira għaliex b’numru ta’ klabbs qed jisfidaw għal post fl-Ewropa mill-Kampjonat Premier, jista’ jagħti l-każ li għal tal-Pagun, post fl-Ewropa fl-istaġun li ġej jaf ikun possibli biss bir-rebħ jew billi jaslu sal-finali tal-IZIBET FA Trophy.
Għalhekk wieħed jifhem li l-pressjoni hija bil-wisq aktar fuq Hibernians, b’Marsaxlokk se jkunu qed iġeddu l-memorji tagħhom meta jilgħabu din il-partita, għal 19-il sena llu meta kienu waslu sal-finali tal-FA Trophy, iżda kienu tilfuha 2-0 kontra Sliema Wanderers.
Ix-Xlukkajri, wara li għaddew minn perjodu fejn kellhom nixfa kbira ta’ riżultati pożittivi fil-Kampjonat, fl-aħħar partiti li lagħbu urew sinjali li jawguraw tajjeb u li jistgħu jagħtuhom tama li kontra Hibernians jistgħu jagħmlu l-impossibli possibli.
//= $special ?>