‘Il-poplu Ukren sofra bil-kbir b’kaġun tal-gwerra iżda għadna hawn, sena wara, u fejn nistgħu ngħidu li ma sfajniex megħluba’…..
Dan kien l-aktar kumment sinifikanti tal-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, meta pajjiżu kien qed ifakkar l-anniversarju mindu spiċċa mira tal-invażjoni brutali tar-Russja – inkella tal-‘kampanja militari speċjali’ kif iħobb isejħilha l-President Russu Vladimir Putin.
Intant. Zelensky – waqt diskors televiżiv lil pajjiżu — ħalef li l-Ukrajna se tagħmel minn kollox possibbli biex tirreżisti l-invażjoni sakemm jitlaq l-aħħar suldat Russu mill-artijiet tagħha.
Dan waqt li, madwar l-Ukrajna, għaddejjin iċ-ċerimonji sollenni biex ifakkru l-anniversarju iswed għal pajjiż…. It-tislima kommoventi lill-vittmi – suldati, ċivili, nisa, trabi u anzjani – qed tkun osservata tul il-pajjiż, bl-emozzjoni qed tidher riflessa fuq l-uċuh tan-nies fi bliet bħal Bucha, fejn il-qawwiet Russi kienu akkużati dwar sensiela ta’ reati kontra l-umanità.
Anki fir-Renju Unit – fost l-akbar alleati tal-Ukrajna– il-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak mexxa minuta silenzju, osservat mill-pajjiż kollu, b’appoġġ għall-poplu Ukren. Fl-istess ħin, ir-Re Charles ikkundanna l-invażjoni waqt li faħħar ‘il-qlubija straordinarja tal-Ukreni li qed ikunu suġġetti għal kalvarju bla heda.’
Min-naħa tagħhom, l-istituzzjonijiet u l-media tar-Russja ma rreferewx b’mod partikulari għal din il-gwerra – l-istess bħat-Televiżjoni tal-Istat f’Moska.
Madankollu, l-eks-President tar-Russja, Dmitry Medvedev qal li pajjiżu, issa, għandu jikkonċentra ‘biex ikeċċi lill-qawwiet Ukreni sal-fruntiera mal-Polonja’. Medvedev, li llum hu l-Viċi-Chairman tal-Kunsill tas-Sigurtà tar-Russja, enfasizza wkoll li ‘pajjiżu se joħroġ rebbieħ mill-konflitt irrispettivament minn kemm dan ikarkar fit-tul’.
//= $special ?>