Il-konflitt, fl-aħħar sigħat, intensifika madwar diversi fronti tal-gwerra lejn il-Lvant tal-Ukrajna, bl-aktar ġlied qalil iseħħ fil-limiti tal-belt ta’ Bakhmut.
Tant huma kbar l-ammonti tal-mejtin li l-kmandanti Ukreni u Russi qed jirreferu għal Bakhmut bħala ‘il-Biċċerija’. Dan meta l-militar ta’ Moska u l-merċenarji tal-Grupp Wagner ( l-Armata Privata ta’ Vladimir Putin) ilhom il-ġimgħat jippruvaw jiċċirkondaw lill-belt partikulari.
Filwaqt li l-Ukreni għadhom qed jirreżistu għall-attakki, diversi analisti qegħdin jaqblu li l-Battalja għal Bakhmut hi diġà parti mill-offensiva kbira ġdida li Moska ilha tippjana għal żmien.
Madankollu, l-analisti barranin qed jaqblu wkoll li l-kisbiet militari tar-Russi fil-madwar ta’ Bakhmut għalissa kienu ‘minimi’.
Fl-istess ħin, iżda, ir-Russi rrinfurzaw il-pożizzjonijiet tagħhom fl-inħawi u fejn jidher li mhemm l-ebda ‘punti dgħajfin’ li l-Ukreni kapaċi jisfruttaw ‘il quddiem.
It-truppi Russi anki qed jippruvaw javvanzaw miz-zoni difiżi mill-Ukreni viċin ta’ Kreminna – bit-truppi ta’ Moska jwettqu wkoll sensiela ta’ attakki fuq l-inħawi madwar Vuhledar. Dan wara li l-Ukreni kienu rreżistew għal diversi attakki bit-tankijiet tal-gwerra u vetturi militari oħra.
Sadanittant, id-difiżi tal-Ukeni madwar Bilorivka u Avdiivka ukoll jinsabu taħt pressjoni intensiva mill-qawwiet Russi, u fejn ir-reżistenza qed tkompli.
//= $special ?>