Internazzjonali

L-Ukrajna: Sena ta’ gwerra mhix biżżejjed għar-Russi

Kollox jindika li r-Russja, akkost ta’ kollox, trid tkompli b’din il-gwerra aktar milli tibgħat ir-rappreżentanti għal negozjati dwar il-paċi.

Iżda l-Ukrajna – bl-għajnuna tal-Punent – qed tkompli ssaħħaħ il-kapaċitajiet militari tagħha u l-Ministru Ukren għad-Difiża, Oleksiy Reznikov, qal li l-militar tiegħu qed jippjana biex jagħti ‘l-akbar disfatta’ lit-truppi ta’ Putin, filwaqt li fisser lill-Ukrajna bħala ‘tarka għall-Ewropa kollha’.

Il-konflitt fl-Ukrajna hu l-agħar fl-Ewropa miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija li damet mill-1939 sal-1945.

Intant, in-Nazzjonijiet Uniti, fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa, għaddiet riżoluzzjoni sinifikanti li kundannat lir-Russja għal din il-gwerra li ħalliet ‘baħar ta’ imwiet’ u qerda fuq skala terribbli.

Fl-istess ħin, l-osservaturi barranin jemmnu li jridu jgħaddu snin sħaħ biex il-pajjiż ikun irristawrat għall-istat li kien qabel il-konflitt.