Internazzjonali

L-Ukrajna sena wara l-invażjoni: Nitkellmu ma’ Ukrena li għexet l-ewwel xhur tal-Gwerra

Deskritta bħala l-akbar invażjoni Ewropea wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

13-il miljun refuġjat sa issa fittxew kenn hekk kif sena ilu bdew il-bumbardamenti fuq l-ibliet u l-irħula Ukreni, bil-Gwerra sa issa tħalli ‘il fuq minn 40,000 ċivil vittma.

Ftit ġimgħat biss wara li l-ewwel militar qasmu mir-Russja għall-Ukrajna – it-truppi ta’ Vladimir Putin kienu qed jikkontrollaw zoni kbar ta’ territorju fost l-isforzi biex jieħdu f’idejhom l-aktar siti sensittivi, inklużi l-ajruporti….Dan waqt li huma avvanzaw lejn is-subborgi ta’ Kiev minbarra li ħatfu l-kontroll f’diversi reġjuni lejn il-grigal tal-Ukrajna.

Net News tkellem ma’ Anna Kozachenko, Ukrena li kienet resdenti Kiev u 3 xhur wara li bdiet il-Gwerra rnexxielha ssib kenn f’pajjiżna, hekk kif f’Malta bħalissa hawn iktar minn 1,600 Ukren.

“Sena ilu, ir-Russja attakkat lill-Ukrajna, ġarrfu d-djar tagħna, u qatlu lin-niesna, jekk taħseb li din mhux il-ġlieda tiegħek, mela qed taħseb ħażin.”

“Qomt, attakkaw iz-zona fejn ngħix f’Kiev. Jien kont ngħix f’zona ċentrali, bl-appatament kien jinsab fit-22 sular. Smajt bosta bumbardamenti, kelli wkoll għadd ta’ telefonati. Ħadd ma stenniha. Ħadd ma stenna li ninsabu fil-21 seklu u jiġri dan kollu. L-ewwel ġimagħtejn tal-attakki fuq Kiev kelli ninżel fix-xelters taħt l-art. Meta rrealizzajt li dan kollu kien qed jaffetwani ħażin, għażilt li mmur fil-Punent tal-Ukrajna, fil-belt ta’ Lviv, belt li tinsab qrib il-Polonja”

Anna qalet li l-Gwerra llum ġabet magħha bosta diffikultajiet fejn kull risorza hija meqjusa mitqlu deheb. 

“Nitlob biex mhux biss turu sapport mhux biss bit-talb jew simpatija, nitlob li tagħtu d-donazzjonjiet anki ta’ flus, għax il-flus huma kruċjali għall-Ukrajna għax illum qed taqdi l-irwol li tkun it-tarka tal-Ewropa kollha mir-Russi u l-attakki tagħha.”

Anna Kozachenko

Sa Ottubru tas-sena li għaddiet, ix-xenarju nbidel kompletament, bil-qawwiet ta’ Putin jibdew isofru disfatta wara l-oħra fuq il-kampijiet tal-battalja – u wara li huma fallew bil-kbir milli jieħdu l-kontroll ta’ Kiev.

Ir-reżiljenza tal-Ukreni sarfet biex mill-ġdid l-poplu Ukren jerġa’ jikseb il-pajjiż. Fil-fatt, ir-Russja, min-nofs is-sajf, kellha tirtira l-militar miz-zoni Ukreni tat-Tramuntana, bil-Gvern tal-President Volodymyr Zelensky jikkonsolida s-suċċessi militari fejn tkeċċew l-aħħar suldati Russi minn Kharkiv –  u fost il-kontra-attakki effettivi fil-madwar ta’ Kherson.

Waqt li d-dinja qed tfakkar l-anniversarju tal-gwerra, l-Ukrajna qed tikkontrolla anki l-belt ta’ Kherson, bil-ġlied mar-Russi, issa, qed jikkonċentra fuq ir-reġjuni Ukreni tal-Lvant, bl-agħar battalji qed isiru fil-limiti ta’ Bakhmut fejn fl-aħħar jiem issieħbu anki l-gruppi tal-merċenarji leali għal Putin.