Internazzjonali

AĠĠORNATA: Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti josserva minuta silenzju għall-vittmi tal-gwerra

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan
Ir-rappreżentant Russu jispiċċa jwaqqaf il-laqgħa diversi drabi

F’għeluq is-sena mill-bidu tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres qal li illum għall-Ukreni “il-ħajja saret infern” – gwerra li fissret eluf ta’ vittmi u miljuni ta’ nies li kellhom jaħarbu minn darhom.

“Jeħtieġ li naslu għall-paċi”, insista Guterres. Dan filwaqt li tkellem kontra l-attakki li qed isiru fuq nies ċivili.

Antonio Guterres kien qed jindirizza l-ftuħ tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, li ġie indirizzat ukoll mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren Dymtro Kuleba li rrefera għar-riżoluzzjoni li għaddiet mill-Assemblea Ġenerali biex tintlaħaq paċi dejjiema fl-Ukrajna.

“Ir-Russja għandna toħroġ mill-Ukrajna, u b’hekk ngħixu f’dinja aħjar”, qal Kuleba.

Hu insista li Vladimir Putin se jitlef din il-gwerra, u li t-telfa se tkun umiljanti għall-Kremlin. “Ir-Russja hi l-problema tad-dinja”, qal Kuleba.

Il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin

Fi tmiem id-diskors tiegħu, Kuleba talab lill-Kunsill tas-Sigurtà josserva minuta silenzju. Bir-rappreżentant Russu jqum jitlob il-kelma, bit-talba tiegħu tkun li għandhom jiġu imfakkra l-vittmi kollha li mietu fil-ġlied.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken minn naħa tiegħu fakkar kif Putin falla milli jieħu f’idejh l-Ukrajna. Iżda xorta baqa’ għaddej bl-attorċitajiet fuq l-Ukreni, it-tkissir tas-sistemi tal-enerġija, b’attakki fuq skejjel u l-ħtif ta’ diversi tfal.

Meta indirizza dan il-Kunsill tas-Sigurtà, Blinken faħħar il-qlubija tal-poplu Ukren li mexa b’solidarjetà u bi spirtu ta’ unità enormi.

Antony Blinken qal illi hemm bżonn bħala komunità internazzjonali li jsir sforz veru biex tintlaħaq paċi dejjiema f’dan ir-reġjun. Hu insista li l-waqfien mill-ġlied mhux biżejjed; iżda jeħtieġ li t-truppi Russi jirtiraw.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan appella mill-ġdid għall-paċi, u insista li l-Amerika mhux se tħalli pajjiż wieħed ikisser il-ħolma li għandu l-poplu Ukren li jgħix fil-paċi.

AKTAR KMIENI

Il-laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà preseduta minn Malta permezz tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg bdiet fuq sieq ħażina wara li r-Russja għamlitha ċara li tinsab iffastidjata għall-fatt li l-Ministru Ukren kien se jiftaħ id-dibattitu ta’ dalgħodu.

Fil-bidu tal-laqgħa, ir-Russja għamlet point of order, għax qalet li skont ir-regoli l-Ukrajna ma setgħetx titkellem fil-bidu.

Kien hawn li l-Ministru Ian Borg qal li fl-okkażjoni tal-anniversarju mill-gwerra ingħata dan il-permess lill-Ukrajna, iżda r-Russja qalet li dan huwa preċedent ikrah.

Ir-rappreżentant Russu Vasily Nebanya spiċċa anke jattakka l-Presidenza ta’ Malta ta’ dan il-Kunsill. Iżda l-Kunsill tas-Sigurtà xorta baqa’ għaddej bl-aġenda tiegħu.

Intant, aktar tard il-Ministru Borg fid-diskors tiegħu stqarr li din il-gwerra ġabet magħha stejjer ta’ abbużi u vjolenza, speċjalment fuq tfal – każi li jiksru l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Għalhekk, qal Ian Borg, hemm bżonn issir ġustizzja.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin qal li Malta trid paċi dejjiema, u l-irtirar tat-truppi Russi mit-territorju sħiħ Ukren.