“Min abbuża u min seraq għandu jaffaċċja l-ġustizzja.”
Hekk sostna l-Kap tal-PN Bernard Grech f’konferenza tal-aħbarjiet li saret ftit mumenti wara li l-Qorti ddeċidiet li tannulla l-ftehim tat-tliet sptarijiet fejn qalet li l- kuntratt kien frawdolenti fuq tliet raġunijiet.
Bernard Grech qal li l-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ jiddefendu lill-korrotti u lill-frodisti u llum l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tibqa’ hemm għall-poplu Malti u Għawdxi sabiex toħroġ il-verita kollha.
Il-Kap tal-PN appella biex issa, illum qabel għada l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, jagħmlu xogħlhom u jinvestigaw tassew dawn ir-reati, dan il-kuntratt skandaluż li seraq b’miljuni lill-poplu Malti u Għawdxi.

Id-deputat Adrian Delia min-naħa tiegħu qal li llum rebħet Malta… rebħet il-ġustizzja. Huwa saħaq li b’dak li llum ħareġ mill-Qorti, inkitbet storja legali li se tibqa’ tkun irrakontata għal ġenerazzjonijiet futuri, storja legali fejn ħareġ s-serq sfaċċat fuq il-poplu minn kuntratt korrott li ffirma Gvern Laburista.
Adrian Delia qal li llum rebaħ iż-żgħir, rebaħ iċ-ċittadin, dak li jħallas it-taxxa. Huwa tenna li llum rebħet il-verità kontra l-gideb u l-qerq li pruvaw jagħmlu għamad fuq għajnejn il-poplu Malti u Għawdxi.

Id-deputat Stephen Spiteri min-naħa tiegħu qal li llum rebħet is-saħħa Maltija għax il-poplu rebaħ lura sptarijiet li kienu misruqa minn idejn il-poplu.
Stephen Spiteri saħaq li deċizjoni bħal din issa se tkun qed tneħħi kuntratt li kien qed iberbaq flus il-poplu Malti u Għawdxi, fejn dawn il-flus setgħu ntefqu b’mod aħjar biex ma jkunux posposti l-operazzjonijet, biex ma jkollniex mediċina out-of-stock, biex il-ħaddiema tas-saħħa jingħataw ir-risorzi kollha meħtieġa biex is-settur tas-saħħa f’Malta jkompli jittejjeb.
