Frankie Bugeja ta’ 39 sena li m’għandux indirizz fiss u li qal lill-Qorti li jaħdem għal rasu, wieġeb mhux ħati li seraq saqqijiet, lożor u oġġetti oħra, li għamel ħsara fi propjetà ta’ ħaddieħor u li kiser sentenza sospiża tal-Qorti. L-avukat tal-għajnuna legali talbet il-ħelsien mill-arrest u qalet li 15 oħra Bugeja se jibda programm ta rijabilitazzjoni mid-droga.
Fil-Qorti ħareġ ukoll li xi snin jiġi segwit minn uffiċjal tal-probation. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Elisia Scicluna qalet li għad hemm xhieda pajżana x’jinstemgħu u kien għalhekk li oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest għal Bugeja.
Il-Maġistrat Monica Vella iżda laqgħet it-talba tad-difiża u tat il-ħelsien mill-arrest lill-imputat bil-patt u l-kundizzjoni li jibda u jispiċċa l-programm tar-rijabilitazzjoni id-droga, li ma jsiefirx u li jiddepożita l-passaport u l-karta tal-identità u ma jkellimx lix-xhieda. Huwa ġġie ordnat ukoll jiffirma f’għassa tal-Pulizija darba fil-ġimgħa. Il-Qorti issietu li jekk ma jiggradwax mill-programm se jiġi arrestat u jittieħed il-ħabs minnufih.