Lokali

Muscat ifarfar il-kwistjoni tal-VITALS fuq il-Kabinett kollu

“Dejjem aġixxejt fl-interess tal-poplu”

“Biex sar hekk, il-proċess kellu jgħaddi mill-iskrutinju legali – l-istadji kollha fil-konċessjoni tal-isptarijiet saru b’diskussjonijiet kontinwi u deċiżjonijiet dokumentati tal-Kabinett.”

Din kienet ir-reazzjoni tal-eks Mexxej Laburista u Prim Ministru Joseph Muscat fuq Facebook wara s-sentenza li ngħatat mill-Qorti fejn ġie ordnat li tiġi annullata l-konċessjoni.

Joseph Muscat insista li huwa dejjem aġixxa fl-interess tal-poplu iżda l-Qorti esprimiet il-perplessità tagħha dwar kif Gvern immexxi minn Joseph Muscat kien ħalla li t-trasferiment bejn Vitals u Steward iseħħ minkejja li Vitals ma kienu laħqu ma ebda obbligu li kellhom.

Il-Qorti saħqet li dan it-trasferiment ma kellux jitħalla li jseħħ u kellu obbligu li jwaqqa’ l-konċessjoni.

Joseph Muscat saħaq li jrid li l-fatti jkunu kollha magħrufa…minkejja li kellha tkun kawża miftuħa mid-Deputat Parlamentari Nazzjonalista Adrian Delia ħames snin ilu li biha toħroġ il-verità kollha tal-atti frawdolenti.

Żgur li l-aktar li tispikka hija l-istqarrija ta’ Joseph Muscat li kollox għadda minn proċess ta’ skrutinju legali mill-Kabinett.

Tajjeb wieħed ifakkar li kien proprju l-Mexxej Laburista u Prim Ministru attwali Robert Abela, il-Konsulent Legali tal-Kabinett immexxi minn Joseph Muscat – kabinett li taħtu tħalla li jsir it-trasferiment bejn Vitals u Steward – kabinett li taħtu pajjiżna ntrabat ma’ Steward b’penali ta’ €100 miljun mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi la darba din il-konċessjoni taqa’.