Lokali

“Rebħa li se ssarraf għal aktar investiment fis-saħħa” – Bernard Grech

“Il-Ħadd se nkunu qed nintaqgħu u l-poplu Malti u Għawdxi għandu juri solidarjeta’ mal-Partit Nazzjonalista u ma’ din ir-rebħa storika u unika.”

Dan kien l-appell tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista fuq il-programm Net Live fejn tkellem dwar is-sentenza li ngħatat fil-Qorti dwar il-każ ta’ Vitals.

Bernard Grech qal li dawk responsabbli kienu jafu li qed jagħmlu ħażin iżda baqgħu jagħmlu l-ħażin. Huwa qal li fil-Qorti l-Imħallef Francesco Depasquale kellu kliem iebes. Waqt is-seduta l-Imħallef Depasquale saħaq li dan il-kuntratt kien mimli frodi filwaqt li l-obbligi qatt ma twettqu.

Bernard Grech qal li issa Robert Abela għandu l-obbligu li jara li tintrefa r-responsabbilita’ politika kollha għaliex issa ħarġet konferma mill-Qorti li dan il-ftheim ta’ Vitals kien wieħed korott.

Huwa saħaq li fil-Qorti ħareġ biċ-ċar li mhux talli ħadu l-miljuni kollha iżda lanqas biss wettqu l-obbligi kollha.

Bernard Grech qal li Robert Abela issa m’għandux għażla oħra għax issa l-Qorti kkomfermat li kien kuntratt mimli frodi fejn ħafna nies ħadu l-miljuni minn dan il-kuntratt. Barra minn hekk, Bernard Grech saħaq li Robert Abela u sħabu għażlu l-miljuni flok għażlu lill-poplu Malti u Għawdxi.

Issa dawn il-miljuni jistħu jintużaw sabiex jitħallsu l-ħaddiema kif ukoll sabiex isir aktar investiment fis-settur tas-saħħa fosthom l-isptar mentali.

Intant lejn tmiem l-intervista Bernard Grech ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex jingħaqad fid-Dar Ċentrali għall-attivita’ politika kif ukoll biex nhar it-Tnejn li ġej jkunu ta’ appoġġ għad-deputati nazzjonalisti quddiem il-Parlament.