Lokali

“Robert Abela huwa obbligat li jiżgura min hu responsabbli jitressaq il-Qorti” – Repubblika

Il-Prim Ministru Robert Abela huwa obbligat li jiżgura min hu responsabbli għall-abbuż bi tliet sptarijiet tal-poplu Malti jitressaq quddiem il-Qorti u jirrispondi għal għemilu.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-għaqda Repubblika.

Repubblika tinsisti li l-poplu Malti ma jħallasx ċenteżmu wieħed, avolja il-Gvern ta’ Joseph Muscat wiegħed mitt miljun lil Steward. Dawn il-flus għandu jħallashom min ikkommetta ruħu għalihom u dawk li kkorrompew ruħhom f’dan il-proġett maħmuġ.

Is-sentenza tal-Ġimgħa fil-kawża li fetaħ Adrian Delia ma tħalli l-ebda dubju dwar il-ħmieġ f’dan l-iskandlu doppju.
Dan mhux biss skandlu ta’ abbuż u korruzzjoni. Huwa wkoll skandaluż li dawn il-korrotti ppjanaw u ħadmu skemi kif jagħmlu l-flus minn fuq il-mard u t-tbatija tan-nies.

Repubblika qed tistenna bil-ħerqa li tingħalaq l-inkjesta maġisterjali li talbet dwar il-kuntratt tal-Vitals. Niftakru fl-intoppi kollha li sibna ma’ wiċċna biex din ma tinbediex. 

Repubblika qalet; “Issa nistennew it-tmiem tagħha. Intennu l-impenn tagħna li mhu se nħallu l-ebda Kummisarju tal-Pulizija u l-ebda Avukat Ġenerali li jibqa’ ma jieħux il-passi li tindika din l-inkjesta.”