Għaliex jeżistu l-gwerer, jekk ir-reliġjonijiet jistqarru l-paċi, u jekk jeżisti Alla, allura għaliex ma laqax it-talb u ppermetta li jseħħu diżastri naturali?
Il-mexxejja reliġjużi inġabru fl-iskola tal-Primarja tal-Qawra tal-Kulleġġ Maria Regina biex dawn iwieġbu għall- mistoqsijiet tal-istudenti li nġabru biex jikkommemoraw l-Interfaith Harmony Week, li din is-sena ħabtet mal-ewwel anniversarju tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna, fejn inqatlu eluf ta’ nies u miljuni ta’ refuġjati spiċċaw barra minn pajjiżhom.
Din l-attivita’ ġiet organizzata mill-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà. Aktar minn 100 student mir-Raba’, Ħames u s-Sitt Sena flimkien mal-mexxejja minn 20 reliġjon differenti inġabru biex jibgħatu messaġġ komuni ta’ mħabba u unita’.
L-istudenti ilhom iħejju b’entużjażmu għal dan l-avveniment billi ppreparaw wirja, żifna, u anke’ poeżija.
Iċ-Chairperson tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society, Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li l-fondazzjoni temmen f’dinja inklussiva universali, fejn id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità ta’ kull persuna huma ta’ importanza kbira.
Marie Louise Coleiro Preca qalet; “Illum aktar minn qatt qabel, hekk kif qed infakkru l-ewwel anniversarju mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, id-djalogu u l-paċi għandhom ikunu fuq quddiem ta’ dak kollu li nagħmlu, biex niżguraw il-ftehim reċiproku fis-soċjetà, noħolqu sens ta’ armonija u ntejbu l-kooperazzjoni ta’ bejnietna,”
L-iskola primarja tal-Qawra fi ħdan il-Kulleġġ Maria Reġina, intagħażlet speċifikament minħabba id-diversita’ tal-istudenti fi ħdanha, li jirrappreżentaw komunita’ multikulturali fejn ideat u twemmin differenti jeżistu b’mod paċifiku.
//= $special ?>