Publius Said, Anzjan ta’ 73 sena, minn San Pawl il-Baħar baqa’ miżmum taħt arrest wara li kien mixli li bagħat filmat ta’ raġel jistupra tifla ta’ disgħa snin, fuq Facebook. Hu wieġeb mhux ħati, li f’Novembru li għadda, u fix-xhur ta’ qabel, kellu fil-pussess tiegħu u xerred materjal indiċenti, deskritta bħala “pornografija tat-tfal estrema”,
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-akkużi miġjuba kontrih, isegwu rapport ta’ ħidma konġunta bejn għaqda mhux governattiva Amerikana u l-Europol. Dawn sabu li permezz tas-sit soċjali Facebook, persuna bagħtet erba’ filmati li fihom jidher raġel ikollu x’jaqsam ma’ tifla minuri, inkluż jistupraha.
Publius Said, magħruf ukoll bħala Leo jew Pullu, tressaq taħt arrest quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea is-Sibt wara nofsinhar, akkużat b’pussess ta’ pedopornografija u użu ħażin ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika. L-Ispettur tal-Pulizija Joseph Busuttil, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni, spjega li l-Pulizija kienet investigat lill-imputat wara li rċeviet twissija min-National Centre for Missing & Exploited Children, organizzazzjoni bbażata fl-Istati Uniti involuta fil-ġlieda kontra l-ħtif tat-tfal u l-isfruttament sesswali.
L-NCMEC kienet infurmat lill-awtoritajiet Maltin dwar filmati pornografiċi ta’ abbuż sesswali estrem u vjolenti li sar fuq minorenni, li allegatament kienu tniżżlu minn Said. Erba’ filmati bħal dawn huma mifhum li nstabu fuq apparat elettroniku proprjetà ta’ Said.
Ġewwa l-awla, Said ipprotesta li kien vittma ta’ “frame-up mill-Amerikani”. Said mhux novviz għall-Qorti u dan l-aħħar ġie ordnat iħallas €3,000 f’danni morali lill-avukat John Bonello f’Diċembru li għadda talli ppubblika numru ta’ allegazzjonijiet foloz foloz dwar l-avukat fuq Facebook.
Minn investigazzjoni tal-Pulizija Maltija, irriżulta li l-persuna li allegatament bagħatet il-filmat, hu l-akkużat, u huwa għalhekk li arrestatu. Riżultat ta’ dan, infetħet inkjesta fejn l-esperti tal-Qorti dwar l-IT qed janalizzaw l-media soċjali u dak li l-akkużat għamel fuq l-internet.
Id-difiża oġġezzjonat il-fatt li ġie arrestat, fejn il-Maġistrat Charmaine Galea qalet li r-reat hu serju u jġorr sa disa’ snin ħabs. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest imma din sabet oġġezzjoni kbira mill-prosekuzzjoni. Il-Prosekuzzjoni qalet, li Said mhux kredibbli, u li hemm materjal fuq il-kompjuter personali tiegħu, li għad irid jiġi analizzat.
Hi żiedet li l-akkużat qal lill-Pulizija li investigawh, li ma jgħaddix mingħajr Facebook u li ħajtu hi l-media soċjali. Id-difiża, minn naħa tagħha qalet li l-akkużat hu anzjan, li m’hemmx xhieda pajżana x’jixhdu u li l-kompjuters ġew iffirżati. Il-Maġistrat Galea ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u t-talba tad-difiża biex isem l-akkużat ma joħroġx fil-pubbliku. L-Avukat Carmel Gatt deher għal Said.
//= $special ?>