Lokali

Il-qattiel ta’ Daphne Caruana Galizia jitħalla joħroġ mill-ħabs għal festin

George Degiorgio, magħruf aħjar bħala ċ-Ċiniż, li nstab ħati bl-eżekuzzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia f’ammissjoni tiegħu stess – tħalla joħroġ mill-ħabs għall-festin.

Dan ġie żvelat minn Times of Malta fejn ġie spjegat li r-raġel li ġie kkundannat għal 40 sena priġunerija wara li ammetta li qatel lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia permezz ta’ karozza bomba flimkien ma’ ħuh Alfred Degiorgio magħruf bħala l-Fulu, tħalla jmur għal festin tal-magħmudija tal-familja.

Rappreżentant legali ta’ Degiorgio li tkellem mal-gazzetta lokali saħaq li kollox ġie eżegwit skond il-liġi u bl-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti – tant li kien eskortat saħansitra minn uffiċjal tas-sigurtà.

Ġie spjegat ukoll li priġunieri fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jistgħu jitħallew joħorġu ‘l barra mill-ħabs taħt superviżjoni b’ċertu ċirkustanzi speċjali bħal avveniment speċjali tal-familja.

F’reazzjoni għal dan il-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia saħqu li jinsabu bla kliem kif Degiorgio tħalla joħroġ mill-ħabs. Huma fakkru lid-direttur tal-ħabs li għandu jiftakar li l-qraba tal-vittmi li nqatlu f’omiċidju għandhom drittijiet ukoll.

Dan anke fid-dawl li sa xahar ilu, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-awtoritajiet għandhom ikunu severi quddiem dawk li ma jirrispettawx is-soċjetà.

Intant, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, fuq il-medja soċjali tagħha, stqarret li xxukkjata bid-deċiżjoni li Degiorgio tħalla joħroġ mill-ħabs. Metsola sostniet, li wara li lbieraħ il-Qrati reġgħu taw raġun lil Daphne Caruana Galizia, pajjiżna reġa’ mar pass lura, hekk kif dak li ammetta li qatilha, spiċċa nħareġ mill-ħabs għal-festin.

Il-President għalqet billi stqarret li Daphne ma tistax tqatta’ iżjed ħin mat-tfal u l-familjari tagħha, iżda r-raġel li qatilha, qed jiċċelebra mal-familja tiegħu, hekk kif qalet li din mhux ġustizzja, imma l-oppost.