Gowl skurjat fil-bidu tat-tieni taqsima minn Gabriel Martinelli kien biżżejjed biex jagħti tliet punti oħra lil Arsenal għall-ispejjeż ta’ Leicester City fil-King Power Stadium.
U waqt li l-Gunners ma tantx impressjonaw bil-logħob tagħhom huma rnexxielhom iżommu vantaġġ ta’ żewġ punti fuq Manchester City li min-naħa tagħhom għelbu faċilment lil Bournemouth fil-Vitality Stadium.
Fl-istess ħin Arsenal – li lagħbu logħba anqas minn City — għandhom iċ-ċans li jestendu l-vantaġġ f’ras il-klassifika meta huma, nhar l-Erbgħa, jospitaw lil Everton fl-Emirates Stadium.
Intant – u wara li Arsenal kellhom ‘gowl’ ta’ Leandro Trossard imħassar fl-ewwel taqsima – huma xorta kisbu l-vantaġġ meta Martinelli, fis-46 minuta, irċieva mingħand Trossard qabel għeleb lil Danny Ward b’xutt angolat. Dan kien id-disa’ gowl għall-attakkant Brażiljan mill-bidu tal-istaġun u li kapaċi jiswa mitqlu deheb ladarba jsiru l-kontijiet fl-aħħar tal-istaġun.
Min-naħa tagħhom, Leicester – li jinsabu fl-erbatax-il post tal-klassifika – rari kienu perikolużi, b’Kelechi Iheanacho ‘jiskorja’ minn offside ċar fl-ewwel 45 minuta u b’Anthony Dewsbury-Hall ifalla l-bersall bi ftit fit-tieni taqsima.
Sadanittant, iċ-Champions Ingliżi Manchester City qed ikomplew jisfidaw lil Gunners għat-titlu u fejn huma kisbu rebħa komda, 4-1, fuq Bournemouth – tant li rnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ tliet gowls sal-mistrieħ.
L-ewwel gowl tas-Citizens wasal minn Julian Alvarez wara kwarta logħob, b’City jiddominaw għal ħinijiet twal u fejn huma żiedu żewġ gowls oħra mill-prolifiku Erling Haaland (30) u Phil Foden (45) li kien qed jirritorna fit-tim wara assenza twila.
Fit-tieni taqsima kompliet il-passiġġata għal City li kabbru l-vantaġġ minn awtogol ta’ Chris Mepham li dawwar ġewwa fuq it-tentattitv ta’ Alvarez (51). Minn dak il-ħin iċ-Cherries bdew ifittxu l-gowl tal-bandiera, b’City iċedu l-inizjattiva u b’Jefferson Lerma inaqqas id-distakk seba’ minuti mit-tmiem.
Bournemouth issa jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar fil-klassifika bi tliet punti biss aktar mit-tim tal-qigħ, Southampton.
Everton mill-ġdid jinsabu fi kriżi wara li tilfu, 0-2, f’Goodison Park kontra Aston Villa – bil-gowls jaslu kollha fit-tieni taqsima. Ir-riżultat kien partikularment diżastruż għat-Toffees li reġgħu niżlu fiz-zona l-ħamra wara r-rebħiet għal West Ham United u Leeds United li wkoll qegħdin jiffaċċjaw l-inkwiet lejn in-naħat t’isfel tal-Premier League.
Għalkemm Everton kienu xi ftit aħjar fl-ewwel taqsima kienu l-Villains li kisbu fil-vantaġġ meta Ollie Watkins (63) ma żbaljax penalty li ngħata għall-fawl fil-kaxxa ta’ Gueye fuq John McGinn.
Il-gowl ifisser li Watkins, issa, sab ix-xibka għal ħames konfronti konsekuttivi fil-kampjonat, b’Villa jirdoppjaw meta s-sostitut Emiliano Buendia (81) dar ma Conor Coady qabel għeleb lil Pickford b’xutt qawwi.
Everton ukoll kellhom iċ-ċansijiet, b’Tyrone Mings jaqla d-diving header ta’ Neal Maupay minfuq il-linja u bil-gowlkiper ta’ Villa, Emiliano Martinez, iwettaq save stupend fuq id-daqqa ta’ ras ta’ Amadou Onana li deher destinat għal ġewwa.
Leeds United qabżu lill-istess Everton wara rebħa, 1-0, fuq Southampton f’Elland Road.
Din kienet l-ewwel logħba għall-Yorkshiremen taħt it-tmexxija ta’ Javi Gracia u filwaqt li ż-żewġ tims dehru ansjużi li jevitaw xi pass ħażin, il-mument deċiżiv tal-konfront kellu jkun ta’ Leeds, meta fis-77 minuta, id-difensur Firpo sab ruħu żmarkat fuq is-suġġeriment ta’ Jack Harrison u fejn sammar ġewwa għat-tliet punti prezzjużi.
Is-Saints – li ingaġġaw lil Ruben Selles bħala manager ġdid — rari kienu perikolużi u meta huma issa għandhom distakk ta’ erba’ punti mir-raba’ tim mill-aħħar (f’dan il-każ Leeds Utd).
West Ham United ħadu nifs ġdid b’rebħa enfatika, 4-0, fuq Nottingham Forest fil-London Stadium – bl-eroj tagħhom ikun l-attakkant Danny Ings li skorja l-ewwel żewġ gowls tiegħu bil-flokk tal-Hammers mindu ngħaqad magħhom mingħand Aston Villa.
Fil-fatt, l-erba’ gowls ta’ West Ham waslu fl-aħħar għoxrin mnuta, b’Ings ifajjar doppjetta fis-70 u t-73 minuta biex qata’ kull speranza għal Forest.
Minn dak il-ħin, il-Hammers għamlu prattikament li riedu, bil-captain Declan Rice jiskorja t-tielet għaxar minuti mit-tmiem u bl-aħħar kelma tkun tas-sostitut Michail Antonio (85), li għaqqad il-poker bir-ras u għall-ewwel gowl tiegħu minn Ottubru . Din kienet anki l-ewwel rebħa għal West Ham fi ħdax-il konfront fil-kampjonat u issa huma jinsabu fis-16-il post tal-klassifika, bi żvantaġġ ta’ żewġ punti ma’ Notts Forest.
//= $special ?>