Lokali

Robert Abela ma jistax jibqa’ jaħrab – PN

Illum Robert Abela m’għandux għażla oħra u ma jistax jaħrab. Hu u sħabu jridu jerfgħu r-responsabbiltà.


Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata dalgħodu mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u mid-Deputat Adrian Delia minn quddiem l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li hu wieħed mill-isptarijiet li rritornaw f’idejn il-Gvern wara l-ordni tal-Qorti li ħarġet ilbieraħ fi tmiem il-kawża miftuħa minn Adrian Delia.


Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif Robert Abela ilu involut f’dan il-kuntratt frodist u frawdolenti għax kien Konsulent tal-Kabinett meta bdiet din il-kwistjoni kollha. Barra minhekk, hu baqa’ jiddefendi d-deal u, bħala Prim Ministru, jivvota l-miljuni kull sena mill-2020 ’l hawn.


Dan ifisser biss li Robert Abela baqa’ jżomm mal-korrotti u l-frodisti.


L-unika reazzjoni tiegħu s’issa kienet li dak iż-żmien, hu ma kienx fil-Kabinett, daqslikieku ried jarmi lil Joseph Muscat u lill-Kabinett tiegħu. B’hekk, Robert Abela għażel li jkompli jipproteġi lilu nnifsu u d-deal korrott u frawdolenti.


Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li llum kulħadd jaf li ta’ Vitals u ta’ Steward ma mxewx mal-kuntratt. U quddiem dan kollu, il-Partit Laburista ta’ Robert Abela, għax kodard, qed jagħżel l-istrateġija li wieħed iwaħħal fl-ieħor.


Hu għalhekk li issa, fil-Parlament, Robert Abela se jkollu jaċċetta li jiddiskuti d-deċiżjoni tal-Qorti. Iżda dan mhux biżżejjed għax wieħed jistenna li Robert Abela u kull min kien responsabbli jwieġbu għal dan id-deal li sewa l-miljuni minn bwiet il-Maltin u l-Għawdxin.


Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li hu biss il-Partit immexxi minnu li jibqa’ l-iskud tal-poplu biex il-Maltin u l-Għawdxin ikomplu jingħataw vuċi.


Min-naħa tiegħu, Adrian Delia qal li l-Gvern Laburista ilu 10 snin iwiegħed sptar ġdid state of the art u world class f’Għawdex, li suppost kellu jinbena fi tliet snin, kif ukoll li jsir immodernizzar fl-Isptarijiet San Luqa u Karin Grech.
Iżda minkejja li tal-Vitals u ta’ Steward baqgħu ma għamlu xejn minn dan, il-Gvern ġeddilhom il-kuntratt u baqa’ jżidilhom il-fondi ta’ kull sena. U dan kollu ġara biss biex ikomplu jiffrodaw lill-poplu.


Quddiem dan kollu, mil-Labour smajna biss skiet li jtarrax ħlief għall-ftit kliem biex jippontaw is-swaba’ lejn xulxin. Robert Abela lanqas ma għadu qal jekk hux se jappella mis-sentenza.


Adrian Delia fakkar kif il-Qorti kienet ċara li Robert Abela kien responsabbli ’in primis’. U għalkemm hu qed jgħid li ma kienx involut, kulħadd jaf li dan mhux minnu għax Robert Abela kien Konsulent tal-Kabinett u bħala Membru Parlamentari vvota biex tal-Vitals u ta’ Steward jingħataw il-miljuni.


Adrian Delia fakkar ukoll li, fil-Protest Ġudizzjarju li hu ppreżenta mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, intalbet ir-responsabbiltà personali minn kull min ikompli jappoġġja dan id-deal. Iżda issa, bi ngann, Robert Abela qed jipprova jnessi li hu kien fost il-Membri Parlamentari kollha tal-Labour li vvotaw fil-Parlament biex ta’ Steward jingħataw 80 miljun ewro oħra.


Għall-konferenza tal-aħbarijiet attendew ukoll il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Alex Borg u d-Deputat Chris Said.