Lokali

Tittieħed l-isptar wara li baqgħet dieħla f’parapett bil-karozza

Tfajla ta’ 26 sena ittieħdet l-isptar Mater Dei wara li baqgħet dieħla f’parapett bil-karozza.

L-inċident seħħ is-Sibt ftit qabel il-11:00 ta’ filgħodu fi Triq Karmnu Abela fil-Ħamrun.

Il-Pulizija marret fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li kien hemm ħabta bejn żewġ karozzi; waħda li kienet misjuqa mit-tfajla ta’ 26 sena residenti l-Ħamrun filwaqt li l-karozza l-oħra kienet misjuqa minn raġel ta’ 45 sena minn Santa Venera. Kawża tal-impatt bejn iż-żewġ karozzi, l-karozza misjuqa mit-tfajla baqgħet dieħla f’parapett.

Tim mediku mar fuq il-post sabiex jassisti filwaqt li ambulanza ħadet lit-tfajla l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Il-kundizzjoni tat-tfajla għadha mhix magħrufa filwaqt li r-raġel ma ġarrab l-ebda ġrieħi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.