“Il-Kabinett inn dejjem għandu sistema stabbilita ta’ skrutinju legali tad-deċiżjonijiet li jittieħdu.”
Sostna dan l-eks Mexxej tal-Labour u eks Prim Ministru Joseph Muscat fuq Facebook fejn wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġimgħa fejn l-isptarijiet ġew irritornati lura għand il-poplu Malti u Għawdxi, reġa’ ħass il-ħtieġa li jitkellem u għat-tielet darba jfarfarha fuq il-kabinett.
Joseph Muscat saħaq li l-konċessjoni tal-isptarijiet ġiet diskussa u ttieħdu deċiżjonijiet dwarha numru ta’ drabi fil-Kabinett – tajjeb li ngħidu li parti minn dak il-Kabinett oriġinali kien hemm MIchael Falzon, Owen Bonnici u Ian Borg – 3 Ministri attwali wkoll fil-Kabinett ta’ Robert Abela.
Dan filwaqt li l-eks Mexxej tal-Labour saħaq li l-Kabinett minn dejjem għandu sistema stabbilita ta’ skrutinju legali tad-deċiżjonijiet li jittieħdu. Tajjeb infakkru li minn Ġunju 2017, Robert Abela kien membru parlamentari elett u konsulent legali tal-Kabinett ta’ Muscat meta l-Gvern ħalla lil Vitals jitrasferixxi l-isptarijiet lil Steward.
Intant Muscat insista u ddefenda għemilu hekk kif stqarr li fis-sentenza m’hemmx referenza għal korruzzjoni u l-frodi li l-Qorti rreferiet fis-sentenza ma kinitx qed tirreferi għalih.
Huwa sostna li r-raġuni għaliex l-Imħallef Francesco Depasquale ħassar il-konċessjoni kienet biss għaliex fil-fehma tiegħu l-konċessjonarji ma wettqux dak mistenni minnhom, meta fil-verità anke hu, f’ammissjoni tiegħu stess, anke hu kien saħaq li Vitals illum Steward ma kienux wettqu dak kollu mistenni minnhom.
S’issa ħadd mill-Gvern Laburista, mill-Prim Ministru Robert Abela ‘l isfel, ma refa’ xi tip ta’ responsabbilità – la Membri Parlamentari Laburisti preżenti li kienu membri fil-kabinett ta’ Muscat…u wisq inqas eks Ministri u Deputati Mexxejja tal-Labour.
S’issa l-poplu għadu ma jafx kif se jkun qed jieħu flusu lura…bi dritt.
