Fid-diskors tiegħu tal-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela waħħal fl-Imħallef li kenet hi li tat l-permess lil George Degiorgio biex jitħalla joħroġ mill-ħabs sabiex jattendi għal riċeviment tal-familja.
Dan meta kull deċiżjoni finali f’dan ir-rigward fil-Ħabs tittieħed mid-Direttur stess… fatt li Abela ddeċieda li jeskludi għal kollox fid-diskors tiegħu. Turija ċara ta’ kemm il-Gvern għal darb’oħra qed jaqbeż għat-tmexxija tal-ħabs li taqa’ taħt il-Ministru Byron Camilleri u jitfa’ t-tort fuq il-Qrati.
Din l-istorja dwar George Degiorgio kienet żvelata mit-Times of Malta fejn kienu ppublikati wkoll ritratti ta’ Degiorgio waqt li kien prezenti għal dan il-festin tal-magħmudija.
Is-sena li għaddiet George Degiorgio kien kkundannat għal 40 sena priġunerija wara li ammetta li flimkien ma ħuh, Alfred Degiorgio, qatel lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Rappreżentant legali ta’ Degiorgio li tkellem mal-gazzetta lokali saħaq li kollox ġie eżegwit skond il-liġi u bl-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti – tant li kien eskortat saħansitra minn uffiċjal tas-sigurtà.
Ġie spjegat ukoll li priġunieri fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jistgħu jitħallew joħorġu ‘l barra mill-ħabs taħt superviżjoni b’ċertu ċirkustanzi speċjali bħal avveniment speċjali tal-familja.
Kull meta priġunier jitlob biex jattendi okkażjoni familjari barra mill-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin, irid jitlob permess tad-Direttur tal-Ħabs bid-deċizjoi finali tkun tal-istess Direttur. Peress li l-priġunier ikun qed jistenna li jgħaddi ġuri, bħal f’dan il-każ, id-Direttur jara jekk il-Qorti Kriminali għandhiex oġġezzjoni. Il-Qorti Kriminali f’dan il-każ tat l-awtorizzazzjoni tagħha soġġetta għad-diskrezzjoni esklussiva tad-Direttur tal-Ħabs.
F’dan il-każ partikolari kien id-Direttur tal-Ħabs li ta l-permess lid-Degiorgio biex ikun jista’ jattendi għal dan il-festin, filwaqt li ma kien hemm ebda appell mid-deċizjoni tal-Qorti Kriminali f’dan ir-rigward. F’kelma waħda… kemm il-Qorti Kriminali kif ukoll l-Appell Superjuri mxew skont il-liġi u b’mod korrett.
F’reazzjoni għal din id-deċiżjoni mid-Direttur tal-Ħabs… qraba ta’ Daphne Caruana Galizia saħqu li jinsabu bla kliem kif Degiorgio tħalla joħroġ mill-ħabs. Huma fakkru lid-direttur tal-ħabs li għandu jiftakar li l-qraba tal-vittmi li nqatlu f’omiċidju għandhom drittijiet ukoll.
Dan anke fid-dawl li sa xahar ilu, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-awtoritajiet għandhom ikunu severi quddiem dawk li ma jirrispettawx is-soċjetà.
//= $special ?>