Lokali

“Flimkien magħqudin, PN wieħed, nibqgħu naħdmu għal Malta tagħna – Adrian Delia

“Flimkien magħqudin. Jekk naħdmu għas-sewwa bħala Partit wieħed nistgħu nġibu t-tama, nistgħu nwettqu politika ta’ fejda li minnha jgawdi l-poplu kollu”.

Hekk qal id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia tul id-diskors li wassal tul l-attività politika tal-Ħadd fid-Dar Ċentrali bit-tema: “Rebħa għal Malta”.

Kien hemm serq u frodi

Adrian Delia qal li mhux biss kien hemm serq, iżda kien hemm ukoll il-frodi. L-imħallef f’sentenza kuraġġuża, qal li kien hemm il-frodi fi 3 stanzi qabel ma tniżżel il-kuntratt, waqt u wara.

“L-imħallef qalilhom, misskom tistħu, misskom ħaristu l-interess tal-poplu Malti”

“Għall-ewwel darba, il-Qorti sabet li dan kien maħsub, premeditat, mhux biss jinqeda l-poplu, imma biex jisirquna”

Adrian Delia qal li Robert Abela qed jigdeb meta jgħid li ma kellux x’jaqsam. Adrian qal li kien hemm u ressaq 7 punti li jixhdu dan.

  1. Robert Abela kien il-konsulent ta’ kastilja.
  2. Kien hemm għax tela’ f’Ġunju tal-2017.
  3. Kien hemm għax ġie elett PM ta’ Malta u dam tliet snin jiddefendi din il-kawża f’isem il-barranin.
  4. Kien hemm meta ħarġu r-rapporti.
  5. Kien hemm meta ġie żvelat li kellhom iħallsu t-taxxi.
  6. Kien hemm meta Adrian Delia flimkien mal-Kap tal-PN Bernard Grech fetħu protest ġudizzjarju biex id-deputati tal-Gvern jinżammu responsabbli.
  7. Robert Abela kien hemm, meta budget wara l-ieħor żidilhom il-flus biex jibqgħu jisirquna.

Rebħa taż-żgħir, rebħa taċ-ċittadin

Adrian Delia qal li din is-sentenza, fissret li rebaħ iż-żgħir, rebaħ iċ-ċittadin, dak li jħallas it-taxxa. Huwa tenna li llum rebħet il-verità kontra l-gideb u l-qerq li pruvaw jagħmlu għamad fuq għajnejn il-poplu Malti u Għawdxi.

L-imħallef qal li l-isptarijiet ingħataw mill-Gvern ta’ Malta. Il-Gvern huwa responsabbli mill-proprjetà li ta lill-barrani”

Adrian Delia saħaq li b’dak li ħareġ mill-Qorti, inkitbet storja legali li se tibqa’ tkun irrakontata għal ġenerazzjonijiet futuri, storja legali fejn ħareġ s-serq sfaċċat fuq il-poplu minn kuntratt korrott li ffirma Gvern Laburista.

Il-Gvern baqa’ jtihom aktar flus, meta fallew għal darba tnejn tlieta

Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Vitals kellhom jagħmlu x-xogħol fl-isptarijiet, u baqgħu m’għamlu xejn. Huwa qal li meta Gvern jara li ġie ngannat, suppost kellu jagħmel xi ħaġa. Kellu jgħidilhom biex jitilqu. Iżda dan il-Gvern minflok tahom rigal. Tahom aktar flus.

Minflok 30 miljun fis-sena, fis-sena ta’ wara tahom 40 miljun, ta’ wara 60, 70, u f’Novemrbru li għadda tahom €80 miljun ewro mill-flus tagħna lkoll”

Adrian Delia qal li meta raw li kien se jaqa’ kollox. Il-Gvern ta’ Malta marru u għamlu ftehim sigriet, u tawhom 100 miljun ieħor.