Futbol Sport

Futbol Ingliż – Finali Carabao Cup: Manchester United jaċċertaw mill-ewwel unur tal-istaġun b’rebħa ta’ 2-0 fuq Newcastle

(Ritratt: EPA)

Manchester United, meritatament, kisbu l-ewwel trofew tal-istaġun meta għelbu l-isfida denja ta’ Newcastle United, 2-0, f’logħba eċċitanti u movimentata f’Wembley Stadium.

L-unur kien anki l-ewwel wieħed għar-Red Devils mindu huma għelbu lil Ajax Amsterdam fil-finali tal-Europa League, fl-2017. Dan ukoll meta Newcastle għadhom qed jistennew biex jirbħu l-ewwel tazza – bl-aħħar suċċess tagħhom imur lura għall-1969 meta huma krebħu l-Inter-Cities Fairs Cup – l-istess kompetizzjoni li wara saret magħrufa bħala t-Tazza UEFA u llum l-Europa League.

Man Utd u Newcastle kienu anki qed jilgħabu fl-ewwel finali bejniethom f’kompetizzjoni domestika mindu r-Red Devils ittrijonfaw fuq il-Geordies bl-istess skor (2-0) fil-finali tal-FA Cup tal-1999 u fl-istess staġun meta United kisbu t-‘Treble’ ta’ unuri storiku (il-Kampjonat, l-FA Cup u ċ-Champions League).

U filwaqt li Newcastle ħarġu għall-finali tal-bieraħ b’furja u enerġija, United kienu jafu jsarrfu l-kwalità indiskutibbli tagħhom f’gowls – fejn, fl-ewwel taqsima, sabu x-xibka tal-gowlkiper Karius darbtejn fi spazju ta’ sitt minuti  biex kważi kissru għal kollox il-moral tal-Geordies.

Kien il-midfielder Brażiljan Casemiro (33) li żblokka r-riżultat meta xeħet ġewwa bir-ras fuq il-freekick insidjuż ta’ Luke Shaw u b’Karius – li kien qed jilgħab fil-finali ta’ kompetizzjoni għall-ewwel darba mill-2018 – jisfa megħlub għal kollox.

Il-gowl ħasad lil Newcastle u r-Red Devils irduppjaw ħames minuti mill-mistrieħ meta d-difensur tal-Geordies, Sven Botman, xellef għal ġewwa x-xutt ta’ Marcus Rashford għat-2-0.

Fit-tieni taqsima, Man Utd ħarġu jikkontrollaw ir-riżultat u fejn kienu wkoll perikolużi bil-kontra-attakki tagħhom – u bi Newcastle jheddu biss bil-ġirjiet fuq il-linja ta’ Allan Saint-Maximin li beda joħloq xi problemi għal Varane u sħabu.

Madankollu, ir-Red Devils għalqu l-ispazji kollha għal Newcastle, bil-gowlkiper David de Gea rari jsib ruħu f’diffikultà anki jekk l-attakkanti tal-Geordies ippruvaw jibbażaw fuq logħba fiżika fost sensiela ta’ krosses għal ġol-kaxxa – b’Varane u Martinez dejjem attenti biex ibiegħdu kull periklu.

Fl-aħħar tal-logħba, Marcus Rashford u Bruno Fernandes setgħu għamlu r-rebħa aktar enfatika b’Karius jiddistingwi ruħu b’saves tajbin fuq iż-żewġ tentattivi. Intant, ftit wara waslet it-tisfira finali tar-referee David Coote li ntlaqgħet b’ċelebrazzjonijiet kbar mill-eluf tas-sapporters tal-ħomor fid-diversi sezzjonijiet ta’ Wembley.

Ir-rebħ tal-Carabao Cup ifisser ukoll li Man Utd – taħt it-tmexxija ta’ Erik Ten Hag — huma tim irrikonoxxibbli minn dak tal-istaġun l-ieħor fejn diżappuntaw bis-sħiħ fil-kompetizzjonijiet kollha u lanqas biss ma rnexxielhom jikkwalifikaw għaċ-Champions League.

Fl-istess ħin, Newcastle, illum, huma wkoll tim mibdul minn tal-istaġuni preċedenti fejn kienu qed jissieltu sempliċiment biex iżommu posthom fl-ogħla diviżjoni. Dan waqt li l-Geordies, minkejja t-telfa, jistgħu jħarsu ‘il quddiem b’ottimiżmu u ambizzjonijiet ġodda fost it-tamiet li jiffissaw post fit-‘Top 4’ tal-Premier League.

Il-Formazzjonijiet

Man Utd: De Gea, Dalot (Wan-Bissaka, 45),  Shaw, Martinez. Varane, Fred (Sabitzer, 69), Casemiro, Antony (Sancho, 83), Bruno Fernandes, Weghorst (McTominay, 70) , Rashford (Maguire, 88)

Newcastle Utd: Karius, Trippier, Schar, Botman, Burn, Longstaff ( Isak,45), Bruno Guimaraes (Willock,79), Joelinton, Almiron ( Anderson, 90+1), Wilson (Ritchie,90+1), Saint-Maximin (Murphy,78)