Internazzjonali

Il-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa tkompli tiħrax fir-reġjun ta’ Donbas

Aktar familji komplew jitilqu mir-reġjun ta’ Donbas hekk kif il-gwerra qed tkompli tiħrax f’din iz-zona.

Sena wara li bdiet il-gwerra fl-Ukrajna, il-ħruxija tal-gwerra qed tkompli tifni numru ta’ familji, bl-Ukreni li qed jaħarbu minn dan ir-reġjun qed jgħidu li ma jridux jgħixu f’dinja Russa.

Fl-aħħar sigħat il-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa ssoktat b’attakki miż-żewġ naħat, bl-Ukrajna jirnexxielha tolqot numru ta’ kampijiet Russi li kienu jinsabu fix-Xlokk ta’ Kharkiv.

Intant, il-Ġimgħa filgħaxija hekk kif kien imfakkar l-anniversarju mill-bidu tal-gwerra kien hemm diversi viġili madwar id-dinja kollha. Fejn fl-Ukrajna diversi postijiet inxtegħlu bl-ilwien tal-bandiera Ukreni, blu u isfar.

Fi Brussel, il-Belġju, eluf ta’ persuni ħonqu t-toroq f’appell kontinwu għall-paċi, fejn tennew il-messaġġ biex l-Ukrajna tinħeles u tkun libera.