Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Iċ-Ċina tirrifjuta li tikkundanna l-aggressjoni tar-Russja

Filwaqt li ċ-Ċina qed iżżid l-isforzi diplomatiċi relatati mal-konflitt fl-Ukrajna, żdiedu wkoll l-indikazzjonijiet li l-Gvern komunista f’Beijing hu aktar ħsiebu f’li jipproteġi l-hekk-imsejħa ‘relazzjoni speċjali’ tiegħu mar-Russja milli jikkundanna ċar u tond l-invażjoni tal-Ukrajna mill-militar ta’ Moska.

Fil-fatt, il-Ministri tal-Finanzi tal-G20 – l-akbar ekonomiji fid-dinja – naqsu milli jaqblu dwar stqarrija finali wara summit li kkonkluda fl-Indja u ladarba ċ-Ċina rrifjutat li tappoġġja l-kundanna ġenerali għall-aggressjni tar-Russja.

F’dan il-każ, iċ-Ċina ma aċċettatx il-kliem tal-istqarrija fis-sens li l-G20 ‘tiċħad u tiddiżapprova bil-qawwi l-azzjonijiet miltiari tar-Russi fl-artijiet tal-ġar’.

Fl-istess ħin, ir-Russja qed takkuża lill-Istati tal-Punent, membri tal-G20. dwar ‘ossessjoni biex jikkundannaw lil Moska’. Ir-Russi qalu wkoll li l-Istati tal-Punent, bl-atteġġjament tagħhom, ‘iddistabbilizzaw lill-G20’ u minkejja li ċ-Ċina, jiem ilu, ippubblikat pjan għat-tmiem tal-konflitt fl-Ukrajna u li l-osservaturi qed iqisuh bħala wieħed li ‘jaħseb l-aktar fl-interessi tar-Russja’.