Lokali

Il-kawża dwar id-deal tal-Vitals tiddomina l-gazzetti tal-Ħadd

L-Editorjali tal-gazzetti tal-Ħadd kienu ddominati mill-kawża dwar id-deal ta’ Vitals… sentenza li hija waħda storika għal pajjiżna hekk kif tliet sptarijiet se jingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi.

L-Editorjal tal-gazzetta Illum saħaq li l-poplu Malti u Għawdxi nsteraq biżejjed u żżejjed. Barra minn hekk, għamel aċċenn għad-diversi proġetti li kellhom isiru b’dan il-kuntratt iżda li qatt ma saru fosthom is-sodod turistiċi kif ukoll ir-rijabilitazzjoni tal-isptar San Luqa.

L-editur appella lil Robert Abela sabiex jikkundanna dan il-kuntratt b’mod sħiħ kif ukoll saħaq li b’mod immedjat għandu jibda l-proċess sabiex dawn l-isptarijiet jingħataw lura lill-Maltin.

Il-ġazzetta ‘Il-Mument’ saħqet li f’dan il-kuntratt frawdalenti Robert Abela ddefenda lill-korrotti flok għażel l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi. Bl-editorjal saħaq li wasal żmien ta’ bidla fil-pajjiż għaliex il-poplu irrid serħan il-moħħ.

Simli għall-gazzetta Illum, l-editorjal tal-Malta Today jibda billi jsemmi l-investiment li qatt ma sar fejn saħaq li dan il-kuntratt huwa wieħed ikkumplikat b’implikazzjonijiet kriminali mill-aktar serji. Barra minn hekk, dan l-editorjal semma l-fatt li l-Imħallef Francesco Depasquale ma żammx lura milli jċanfar lill-Gvern.
L-editorjal sostna li l-pubbliku għandu dritt ikun jaf il-parti li kellu Robert Abela f’dan id-deal bejn l-2015 sal-ġurnata tal-lum. Dan wara li aktar kmieni din il-ġimgħa ħareġ li meta ġie ffirmat dan il-kuntratt Robert Abela kien konsulent legali tal-Kabinett.

Fl-editorjal tagħha The Malta Independent qalet li l-Gvern kien jidher li jaf x’inhu ġej dwar dan il-kuntratt skandaluż fejn appella sabiex Robert Abela jieħu azzjoni b’mod immedjata billi jara li dawk involuti jerfgħu r-responsabbilita.

Il-Gazzetta The Sunday Times of Malta saħqet li Robert Abela irid jara kif se jħares l-interessi nazzjonali hekk kif il-poplu Malti u Għawdxi ħaqqu li ssir ġustizzja totali miegħu.

Intant, il-gazzetti Laburisti Kulħadd u t-Torċa m’ġħamlux rappurtaġġ dwar id-deal ta’ Vitals iżda minflok fuq il-faċċata, l-gazzetta Kulħadd kitbet li dawk il-Maltin li jaqalaw aktar mill-paga medja rdoppjaw. Dan wara li għal diversi xhur, diversi familji qed iħabbtu wiċċhom mal-għoli tal-ħajja fejn il-paga mhun qed isservihom sal-aħħar tax-xahar.

Nhar it-Tnejn fil-Parlament mistenni li tiġi diskussa d-deċiżjoni tal-Qorti fejn il-Partit Nazzjonalista wassal appell sabiex il-poplu jkun preżenti bħala turija ta’ appoġġ għad-Deputati Nazzjonalisti.