‘Il fuq minn 600 persuna fit-Turkija qed ikunu investigati dwar il-bini li ċedew waqt it-terremoti tas-6 ta’ Frar li ħallew ‘il fuq minn 50,000 vittma f’dan il-pajjiż u fi bnadi tas-Sirja.
Il-Ministru Tork responsabbli mill-Ġustizzja, Bekir Bozdag qal li diġà qed jinżammu taħt arrest madwar 200 persuna, fosthom kuntratturi tal-bini u sidien tal-proprjetà. Dan meta l-esperti ilhom iwissu li l-korruzzjoni ‘istituzzjonalizzata’ u l-politika tal-Gvern Tork wasslu għal sitwazzjoni fejn ittellgħu l-bini mingħajr kriterji ta’ sigurtà adekwati u li nbnew fuq is-sisien dgħajfin.
L-ewwel terremot kbir tas-6 ta’ Frar immarka 7.8 fuq l-Iskala Richter u kien segwit dritt wara minn theżżiża tal-art oħra b’saħħitha.
Sadanittant, kollox jindika li l-awtoritajiet Torok żiedu bil-kbir l-investigazzjoni dwar ‘min irid jinżamm kontabbli’ u wara li ġimgħatejn ilu kienu ħarġu biss xi 110 mandati ta’ arrest. Dan ukoll meta fost l-arrestati hemm is-Sindku ta’ waħda mill-ibliet viċin iz-zoni milqutin l-agħar mit-terremoti li fihom inqerdu l-għexieren tal-eluf tal-bini – b’oħrajn tant iġarrbu ħsarat li spiċċaw inabitabbli.
F’din is-sitwazzjoni wkoll żdiedu d-domandi dwar jekk l-impatt tat-terremoti kien ‘agħar milli suppost’ minħabba nuqqas ta’ ħarsien tar-regoli u fallimenti oħra tal-awtoritajiet u persuni oħrajn involuti fl-industrija tal-bini.
//= $special ?>