Internazzjonali

L-Istati Uniti: Eluf mingħajr dawl fost il-maltemp f’Kalifornja

L-Istat ta’ Kalifornja, fl-aħħar sigħat, kien assedjat minn maltempata qalila u pjuttost rari għar-reġjun f’dan iż-żmien tas-sena. Il-maltemp ħalla impatt partikulari għall-istallazzjonijiet tad-dawl, b’aktar minn 120,000 – ħafna minnhom residenti fiz-zona ta’ Los Angeles – jispiċċaw mingħajr elettriku  wara jiem sħaħ iddominati mill-irwiefen.

Minbarra dan, il-maltemp ikkaġuna għargħar kbir li, fost oħrajn, wassal għall-għeluq taż-żewġ ‘motorways’ ewlenin u l-bajjiet ta’ Kalifornja.

Fl-istess ħin, l-irwiefen kontinwi qaċċtu lis-siġar mill-għeruq flimkien mal-cables tal-elettriku f’diversi zoni ta’ Kalifornja.

Fl-aħħar sigħat ukoll, l-inħawi ta’ LA County kienu qed jintlaqtu kontinwament mill-beraq, bl-awtoritajiet fir-reġjun anki jipposponu jew iħassru t-titjiriet fost sitwazzjoni ta’ emerġenza.

Intant, ir-residenti ta’ Sacramento – il-kapitali tal-Istat ta’ Kalifornja – kienu mwissija biex ma jivvjaġġaw imkien sa, almenu, nhar l-Erbgħa,u  meta l-jiem li jmiss mistennija jkunu dominati bix-xita u l-borra.