Marsi ġie mixli quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo li fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda għall-ħabta tas-2pm., saq għal fuq tliet persuni fl-Iklin u li kkaġuna ġrieħi gravi lil wieħed minnhom u ġrieħi ħfief fuq it-tnejn l-oħra kif ukoll li saq b’mod traskurat, bla kont u perikoluż.
Carlos Cardona ta’ 44 sena ġie akkużat ukoll li għamel U-Turn f’post ipprojbit, li kien qed isuq meta ma kienx f’kundizzjoni li jsuq minħabba li kien taħt l-effett tax-xorb jew drogi, li naqas milli jirrapporta li kien involut f’inċident tat-traffiku u li kiser il-paċi u l-ordni pubblika b’għajjat u ġlied.
L-Ispetturi Clayton Camilleri u Andrew Agius Bonello qalu li meta l-Pulizija ġew infurmati bil-każ u marru fuq il-post mill-informazzjoni li kisbu sabu li l-ewwel l-akkużat saq minn ħdejhom, dawwar u reġa’ għadda minn ħdejhom u laqathom.
Cardona li qal li jaħdem xufier wieġeb mhux ħati u saret talba biex jingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Avukat tiegħu David Gatt. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha minħabba n-natura tal-akkużi, u dan għax naqas milli jirraporta li kien involut f’inċident tat-traffiku u għax fadal xhieda x’jixhdu.
L-avukat Gatt qal li l-liġi tippermetti 24 siegħa biex wieħed jirrapporta inċident iżda f’dan il-każ, il-Pulizija marru ġabruh mid-dar tiegħu kwarta wara li seħħ il-każ u riedu jagħmlulu t-test tal-breathilyser fil-kamra tas-sodda. Sostna li Cardona kien qed jirriversja u laqat lil dawn it-tliet persuni li kienu warajh u li kienu għadhom ħerġin “imċemplin” mill-istabiliment tad-divertiment li fl-akwati.
Qal ukoll lill-Qorti li l-akkużat lanqas biss jaf min huma u li wara li laqathom, dawn il-persuni marru għalih u bdew isawwtuih. Tenna li anki Cardona ġarrab xi ġrieħi. Il-Qorti qalet li wara li rat ċ-ċirkostanzi tal-każ, in-natura tal-akkużi u d-dokumenti esebiti, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest għax mhix sodisfatta li l-akkużat huwa affidabbli u minħabba l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi.
//= $special ?>