It-tamiet ta’ Tottenham Hotspur li jispiċċaw mal-aħjar erba’ tims fil-kampjonat ingħataw spinta kbira b’rebħa, 2-0, fuq Chelsea fid-derby ta’ Londra. Ir-riżultat kompla jkabbar il-kriżi tal-Blues li rebħu darbtejn biss fl-aħħar 15-il konfronti tal-Premier League,.
Ma jistax jonqos, intant, li l-manager ta’ Chelsea Graham Potter ukoll qed iħoss il-pressjoni u kapaċi jitlef postu jekk kemm-il darba l-Blues jisfaw eliminati minn Borussia Dortmund fit-tieni leg tal-konfront tal-Aħħar Sittax fiċ-Champions League.
Tottenham kienu xi ftit aħjar mill-avversarji fl-ewwel 45 minuta, bir-referi, Stuart Attwell, ikeċċi lill-plejer ta’ Chelsea, Hakim Ziyech u – minuti wara – jibdel id-deċiżjoni u jurih biss ‘safra’ fuq l-intervent tal-VAR.
Madankollu, il-gowl għal Spurs kien fl-ajru u wasal fl-ewwel minuta tat-tieni taqsima bix-xutt missila ta’ Oliver Skipp (46). Ir-reazzjoni ta’ Chelsea kienet fjakka, tant, li ma kienet l-ebda sorpriża meta Harry Kane (82) irdoppja mill-viċin għat-2-0 finali.
Ir-riżultat ifisser ukoll li Tottenham rebħu erba’ mill-aħħar ħames konfronti fil-league u fejn issa jinsabu r-raba’ fil-kampjonat, b’vantaġġ ta’ erba’ punti fuq Newcastle li lagħbu żewġ logħbiet anqas minn Spurs.
//= $special ?>