Rebħa f’ħin rekord fit-38 Maratona MC Adventure Malta. Għaxar snin wara Muhammed Hajjy, kien Marokkin ieħor – Redouan Nouiri – li waqqaf ir-rekord il-ġdid b’ħin ta’ 2:13:18 filwaqt li fost in-nisa, rekord li kienu ilu 29 sena minn Carolyn Hunter Rowe fl-1994 b’2:40:28, inqabeż mill-Iskoċċiża li tgħix Malta Jemina Farley li ġriet f’2:36:51.
Joe Micallef, organizzatur tat-38 MC Adventure Malta Marathon, f’kummenti wara t-tiġrija qal “Ir-riżultat tal-avveniment huwa straordinarju. Konna konvinti li kemm fost l-irġiel kif ukoll in-nisa, kien hemm potenzjal li jintlaħqu r-rekords, iżda Nouiri u Farley verament issorprendew bil-ħinijiet li kisbu”
Redouan Nouri, 35, bl-aħjar personali ta’ 2:13:03, qasam il-linja finali qabel il-Marokkin l-ieħor, Hicham Boufar li spiċċa t-tieni f’2:18:12 u Andrew Grech, fit-tielet f’2:31:42 u, għar-raba’ darba fil-karriera tiegħu, l-ewwel mill-Maltin fil-Maratona ta’ Malta MC Adventure.
“Ninsab sodisfatt ħafna bir-rebħa u li waqqaft rekord ġdid tal-kors,” qal Nouiri. “Il-korsa hija sabiħa ħafna, iżda, f’ċerti taqsimiet, ir-riħ kien tedjanti. Irrid nifraħ lill-organizzaturi li tellgħu avveniment prattikament perfett.
Fost in-nisa, Jemina Farley baqgħet quddiem nett mill-ewwel sal-aħħar kilometru, u tejbet mhux biss ir-rekord tagħha, iżda wkoll l-aħjar personal bi kważi sitt sekondi. Josann Attard Pulis spiċċat it-tieni f’2:55:55 u Dzintra Grech ġiet it-tielet f’3:11:19.
In-Nofs Maratona kienet iddominata minn atleti Maltin. Fost l-irġiel, Luke Micallef rebaħ f’1:06:55 quddiem Shaun Galea f’1:11:06 Aaron Mifsud f’1:11:15, filwaqt li fost in-nisa, is-suċċess mar għal Lisa Bezzina, l-ewwel f’1:19:03, qabel Edit Filo f’1:25:24 u Sophia Moosbrugger f’1:26:58.
Fost is-70 nazzjon barrani preżenti, l-Italja ppreżentat l-akbar parteċipazzjoni. L-Ambaxxatur Taljan f’Malta, Fabrizio Romano, ippreżenta premju speċjali lill-aqwa Taljani kemm fil-Maratona kif ukoll fin-Nofs Maratona.
//= $special ?>