Lokali

Żagħżugħ iweġġa’ gravi wara li tilef il-kontroll tal-mutur

Żagħżugħ ta’ 22 sena residenti s-Swieqi weġġa’ gravi wara li waqa’ bil-mutur fi Triq Tul il-Kosta, in-Naxxar.

L-inċident seħħ il-Ħadd għall-ħabta tad-9:30 ta’ filgħodu.

Il-Pulizija marret fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li ż-żagħżugħ tilef il-kontroll tal-mutur li kien qed isuq u waqa’. Konsegwenza t’hekk il-mutur ħabat f’żewġ vetturi pparkjati.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti filwaqt li ambulanza ħadet liż-żagħżugħ l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.