Lokali

Żewġ persuni sofrew ġrieħi gravi f’inċident f’Marsaskala

Żewġ irġiel sofrew ġrieħi gravi wara li kienu involuti f’inċident li seħħ ilbieraħ filgħaxija fi Triq Sant’Antnin f’Marsaskala għall-ħabta ta’ nofsillejl

Waqt li l-Pulizija kienu qed jagħmlu ronda f’din it-triq, innutaw li kien hemm vettura fuq bankina.

Għal xi raġuni li għadha mhux magħrufa, sewwieq ta’ 22 sena minn Santa Venera tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu Ford Fiesta bil-konsegwenza li baqa’ dieħel f’arblu u laqat raġel ta’ 30 sena minn San Pawl il-Baħar li kien fuq il-bankina. Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn aktar tard kien iċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

Fil-vettura kien hemm tliet passiġġieri – żewġ tfajliet ta’ 22 sena minn Ħaż-Żabbar u Marsaskala, kif ukoll ġuvni ta’ 23 sena residenti Marsaskala wkoll. It-tfaljiet u s-sewwieq sofrew biss ġrieħi ħfief filwaqt li l-ġuvni l-ieħor sofra ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.