Gaetano Campailla ta’ 56 sena minn Sirakuża fi Sqallija ġie kundannat 14-il sena ħabs u mmultat €28,000 wara li ammetta minfok għadda ġuri li f’Novembru tal-2018 importa 10 kilos cannabis bil-ħsieb li din tiġi traffikata. Huwa ammetta l-pussess aggravat ta’ l-istess cannabis.
Kmieni t-Tnejn filgħodu numru ta’ ġurati kienu l-Qorti jistennew jekk kinitx se tmisshom ix-xorti li jinqabdu u jiġġudikaw il-każ iżda dawn intbgħatu lura d-dar mill-Imħallef Aaron Bugeja wara li ġie nfurmat mid-difiża u l-Prosekuzzjoni li dawn waslu f’patteġġament, li jfisser ftehim dwar il-piena, liema ftehim ma sab l-ebda oġġezzjoni mill-Qorti Kriminali.
Id-Dipartiment tad-Dwana kien qal li waqt verifiki ta’ rutina mit-Taqsima tal-Klieb tiegħu, kelb li kien magħruf bħala “Sparky” li xamm il-vettura tar-raġel, baqa’ jippersisti anke wara li tfittxija inizjali mill-uffiċjali ma tat l-ebda riżultat. F’dak il-punt, il-karozza ttieħdet fil-garaxx tal-Pulizija fejn id-droga nstabet f’kompartimenti moħbija fil-bibien tal-karozza.
Kien malli vettura tal-għamla Ford Kuga kienet niżlet minn fuq il-catamaran li kien ġej minn Pozzallo, ‘Sparky’ irreaġixxa għal xi ħaġa suspetuża li seta kien hemm fiha. Il-kelb kien ilu biss xahrejn li ngħaqad mad-Dipartiment tad-Dwana, bit-taħriġ li ngħata biex ixomm id-droga,
Mit-tfittxija rriżultat 10kg kannabis b’valur tat-triq stmat ta’ madwar €20,000. L-Ispettur Mark Mercieca kien akkuża lir-raġel bit-traffikar tad-droga. Huwa spjega li Ford Kuga kienet ġiet immarkata bħala parti minn operazzjoni possibbli ta’ kuntrabandu ta’ droga.
Camera ‘fibre optic’ wriet il-pakketti tal-ħaxixa tal-kannabis moħbija wara l-pannelli tal-bibien. il-Pulizija kienu żarmaw il-karozza u fil-fatt kien fit-tapezzerija tal-bieba tan-naħa tax-xufier u fit-tapezzerija taż-żewġ bibien ta’ wara, li nstabet 10 kilo cannabis. Meta kien tressaq il-Qorti l-akkużat, li kien assistit minn interpretu, kien wieġeb mhux ħati. Huwa kien qal lill-Qorti ma kellu l-ebda indirizz jew rabtiet ma’ Malta. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Kevin Valletta, Ilenia Abela filwaqt li għal Gaetano Campailla deher l-Avukat Simon Micallef Stafrace.
//= $special ?>

