Lokali

“Il-gvern għandu jieħu passi legali biex jirkupra l-mijiet ta’ miljuni mdaħħla f’dan il-kuntratt.” – MAM

L-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta tinnota b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Qorti fejn 3 sptarijiet ingħataw lura lill-poplu Malti u l-gvern meħlus minn kull obbligu kuntrattwali ieħor li jkompli jitfa’ l-flus f’dan il-kuntratt bla sens.

Il-MAM sa mill-bidu opponiet din l-“hekk imsejħa” sħubija pubblika-privata li kienet bejgħ sħiħ tad-drittijiet tal-pazjenti Maltin lil kumpanija mhux magħrufa bl-isem Vitals “Global Health Care” li rriżultat li kienet biss scam minn numru żgħir ta’ individwi. Dan irriżulta fl-għoti ta’ aktar minn 500 miljun ewro bl-anqas ġebla waħda ta’ sptar ma titqiegħed.

Il-MAM, minbarra li kontinwament opponiet dan il-proġett, ordnat darbtejn azzjoni industrijali, biex it-tobba Maltin baqgħu kompletament fl-impjieg taħt l-awtorità tal-gvern ta’ Malta mingħajr ebda relazzjoni kuntrattwali la ma’ Vitals u lanqas ma’ Steward. Barra minn hekk, ingħatat rilevanza kbira ix-xhieda tal-president tal-MAM Dr Martin Balzan fis-sentenza maħruġa mill-qrati.

Il-MAM saħqet repetutament mal-Ministru Mizzi, u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat li ma kienx fl-interess nazzjonali li jidħol fi ftehim bħal dan, speċjalment meta ġiet l-opportunità li l-ftehim ma jiġix trasferit lil steward. Dawn id-deċiżjonijiet wasslu għat-telf ta’ mijiet ta’ miljuni minflok tpoġġew fl-infrastruttura medika tal-pajjiż.

Filwaqt li l-Prim Ministru Roert Abela fil-bidu pprova jinnegozja triq biex joħroġ mill-ftehim, l-opinjoni tal-predeċessur tiegħu li nbidel f’“konsulent ta’ Steward” tipprevali, bit-telf ta’ madwar 200 miljun ewro oħra f’dan il-perjodu. B’mod partikolari l-MAM kienet mistagħġba li l-avukati tal-gvern qablu ma’ Steward waqt dan il-każ fil-qorti f’numru ta’ okkażjonijiet.

Il-MAM tappella lill-gvern biex juża l-mezzi legali kollha biex jirkupra l-mijiet ta’ miljuni mitlufa mingħand dawk ikkonċernati u li naqsu milli jwasslu. Il-MAM tistenna li l-gvern ta’ Malta juri b’mod deċiżiv u ċar li jinsab fuq in-naħa tal-pazjent Malti u mhux fuq in-naħa ta’ “sharks” frawdolenti, mingħajr biża’ jew favur dawk involuti f’dan il-fjask kolossali.